L-Ostakli tal-Bidu: il-Biża’ mis-Skiet

Kif diġà aċċennajt fl-aħħar artiklu, wieħed mill-biżgħat komuni sabiex nagħmlu sforz li nidħlu fl-esperjenza tat-talb huwa l-biża’ mis-skiet. Hawn mhux qed nitkellem fuq kwistjoni ta’ nuqqas ta’ ħila li nisktu. Din hija skuża. Il-verità hi li aħna nibżgħu mis-skiet. U nibżgħu mis-skiet għax is-skiet ilaqqagħna mal-verità tagħna nfusna, li mhux dejjem hija daqshekk eċitanti.

L-għalliem u kittieb Taljan Alessandro D’Avenia jirrakkonta kif lill-istudenti tiegħu flimkien max-xogħol tal-iskola fil-bidu tas-sena jagħtihom biċċa xogħol oħra: li kuljum jagħmlu 10 minuti fis-skiet, li jmorru f’kamrithom, jagħlqu l-bieb, ipoġġu fuq is-sodda u jibqgħu 10 minuti fil-kwiet ma jagħmlu xejn, mingħajr mobile, mingħajr mużika, mingħajr Messenger, xejn. Huma u s-skiet.

Mill-ewwel jippreparahom li wara l-ewwel żewġ minuti jdejhom jibdew jikluhom biex ifittxu … ikunu qed ifittxu l-mobile għax aħna hemmhekk tgħallimna nfittxu l-konsolazzjoni tagħna. Iktar inħarsu lejn l-iscreens milli lejn l-uċuħ tal-persuni li nħobbu. Imma dan bla dubju għandu ħafna konsegwenzi fuqna. Immaġinaw kieku nħarsu lejn l-uċuħ tal-maħbubin tagħna daqskemm inħarsu lejn l-iscreen tal-mobile!

Fil-ħames minuta mbagħad jibdew kważi jħossuhom qed jaqtgħu nifishom ma jagħmlu xejn. Jekk iwasslu sas-seba’ minuta, hemmhekk ikunu qegħdin iħarsu lejhom infushom, bil-monotonija tagħhom, b’dak kollu li jagħrfu li jonqoshom biex ikunu uniċi imma wkoll b’dak kollu li għandhom sabiex ikunu min tassew huma.

Għat-talb ikun fadal pass ieħor, kif diġà fissirt darb’oħra. Imma hemm l-istess sfida għal min jagħżel li jiskot biex jingħaqad ma’ Alla fit-talb. L-istess sfida tas-skiet, u l-istess sfida tal-verità tagħna nfusna u ta’ ħajjitna li fit-talb Alla jikkonfrontana biha sabiex jurina l-possibbiltajiet tagħna ta’ fejn nistgħu u jeħtieġ li naslu, imma wkoll kemm fadlilna x’naqdfu … però mhux waħedna għax hu dejjem jimxi magħna. U għalhekk is-skiet ma jibqax biss vojt imma jsir spazju: spazju biex fih tikber ħbiberija.

Ma’ dan nistgħu wkoll norbtu l-esperjenza pjuttost realistika li kultant tħossok li qed titlob għalxejn. Nitolbu għalxejn għax ma jiġrix dak li tlabna għalih (u ħafna drabi mnalla Alla ma jagħmilx kulma nitolbu aħna). Kultant inħossuna wkoll qatra f’oċean. Darba xi ħadd poġġieli din il-mistoqsija waqt laqgħa: kif ser jisma’ lili nitlob minn fost it-talb ta’ 8 biljun ruħ? Ħalliha li mbagħad qamet diskussjoni sħiħa jekk il-popolazzjoni dinjija hijiex ta’ 7.8 jew 7.9 biljuni, bħallikieku tagħmel xi differenza għall-argument! Imma l-punt tal-mistoqsija huwa validissimu: huwa possibbli li kulħadd ikollu relazzjoni personali ma’ Alla?  Forsi ħjiel ta’ tweġiba jinsab fil-fatt li, għalkemm daħal fiż-żmien u f’post partikolari meta sar bniedem, Alla huwa lil hinn miż-żmien u l-ispazju u mhuwiex limitat minnhom. Meta Ġesù tela’ s-sema, l-umanità wkoll daħlet fl-istat lil hinn mill-ispazju u ż-żmien hekk li anke t-talb tagħna li jsir permezz ta’ Ġesù jissupera dawn il-limiti.