L-Ostakli tal-Bidu: id-Dnub u l-Biża’

Aħna u nkomplu nesploraw l-ostakli li niltaqgħu magħhom hekk kif nippruvaw nibdew mixja spiritwali, fil-punt li nagħraf li Alla jaf preċiż min jien u x’qed nagħmel, jidħol fattur ieħor fl-ekwazzjoni li faċli jwaqqafna: is-sens ta’ ħtija. Meta nieqaf ngħaddi ż-żmien bija nnifsi u nħares lejn ħajti kif tassew hi ninduna li mhux kollox huwa sew. Ninduna li fil-personalità tiegħi, flimkien mal-preġji, hemm ukoll id-difetti. Ninduna li l-istorja ta’ ħajti fiha ħafna tgħawwiġ u taħwid. Ninduna li ma nagħmilx kollox tajjeb, imma hemm ukoll ir-realtà tad-dnub fil-ħajja tiegħi. It-tweġiba awtomatika hija li nibqa’ ’l bogħod … għax inħossni ’l bogħod … għax ninħakem mill-mistħija … għax inħossni mhux den.

Imma meta nagħmlu hekk ninsew li, kif tgħidilna l-Bibbja stess: “Madankollu mxennaq il-Mulej biex jagħdirkom, u għalhekk iqum biex iħenn għalikom” (Is 30, 18). It-talb huwa għall-midinbin daqskemm huwa għat-tajbin għax kulħadd hu meħtieġ tar-rabta ma’ Alla—anzi, forsi min hu midneb jeħtieġha iktar.

Ma’ dan nistgħu wkoll insieħbu l-biża’, u l-biża’ juri ruħu fuq diversi livelli. Ġieli jkun biża’ minn Alla, jew għax għandna idea żbaljata ta’ min hu Alla (forsi frott ta’ esperjenzi qarsa f’relazzjonijiet ma’ adulti sinifikanti jew affarijiet dwar Alla li qalulna meta konna żgħar), jew għax nibqgħu ’l bogħod minnu għax ma nistgħux nifhmuh bil-kejl u r-raġunamenti tagħna. Hemm il-biża’ minn dak li mhux magħruf (u kultant imnalla ma tkunx taf minn xiex se jkollok tgħaddi għax kieku tieqaf qabel lanqas biss tkun bdejt).

U, fuq kollox, hemm il-biża’ mis-skiet. F’dinja li hi mimlija bl-istorbju u l-ġenn sirna m’aħniex kapaċi nisktu u noqogħdu ftit bi kwietna (imqar jekk biss biex nieqfu u nieħdu nifs). Forsi nħossu li m’għandniex bżonn nisktu meta hemm ħafna affarijiet x’nistgħu nisimgħu u ngħidu. Imma tinduna li din hi skuża meta fl-Evanġelji taqra li Ġesù, li hu bniedem imma hu wkoll Alla, kien jgħaddi l-lejl fit-talb jew ifittex li jinqata’ waħdu għat-talb. Ġesù! Aħseb u ara int u jien kemm iktar għandna bżonn!