L-Ostakli tal-Bidu

Jista’ jkun li inti tħossu l-bżonn tat-talb, imma hemm affarijiet li qegħdin iżommuk milli tibda titlob jew li tikber fil-ħajja tiegħek spiritwali u ma tibqax bħat-tfal—ostakli tal-bidu li, jekk trid tikber, jeħtieġ li tegħlibhom u tibqa’ kontinwament tissuperahom għax xi wħud minnhom jibqgħu jiġru warajk mhux biss fil-bidu imma wkoll matul it-triq. Imma biex tibda tegħleb l-ostakli trid tidentifikahom. Trid tkun taf kontra min se tiġġieled il-battalja biex forsi tasal li tirbaħha.

Fil-ġimgħat li ġejjin se nesploraw xi ftit mill-ostakli li nistgħu niltaqgħu magħhom. Bla dubju hemm oħrajn, imma żgur li dawn huma wħud mill-iktar komuni. U allura ma nistgħux ma nibdewx mill-esperjenza li xi kultant qisek qed titlob mal-ħajt. Ngħiduha kif inhi, fit-talb mhux bħal meta qed titkellem ma’ xi ħadd li qed tarah quddiemek, tista’ tħares f’għajnejh jew f’għajnejha u tisma’ tweġiba lura. Għaldaqstant tassew hemm din l-iskumdità li jeħtieġ wieħed jitgħallem jgħix biha, imma bil-fidi li tassew hemm xi ħadd li qiegħed jisma’—ukoll jekk xi kultant tiġi fid-dubju huwiex trux għax donnu nitolbu kemm nitolbu, qisu mhux jisma’ …

Ma’ dan nistgħu norbtu li meta titlob ġeneralment ma jkunx hemm tweġiba diretta. Imma minn banda tista’ tħossok qisek baħnan titkellem waħdek, u mill-banda l-oħra jekk tisma’ tweġiba hemm ċans li jew taħseb li qed tiġġennen jew titwerwer. Dan is-sens ta’ vojt jista’ jkun tentazzjoni: kemm skuża biex ma nitlobx ġaladarba iktar qisu monologu t-talb milli djalogu, u wkoll għax kultant Alla li huwa ’l bogħod huwa iktar komdu minn Alla li huwa viċin, li jrid jidħol u jinvolvi ruħu fil-ħajja tagħna. Alla li jżomm ftit tad-distanza ma jindaħalx. Alla li jżomm id-distanza nista’ nfasslu kif ifettilli jien. Alla li jżomm ftit id-distanza ma jarax x’qiegħed nagħmel.