It-Talb mhuwiex biss riflessjoni

Għalkemm, kif rajna fl-artiklu ta’ qabel, biex inħoss il-bżonn tat-talb, l-ewwel irrid nieqaf u naħseb, fl-istess waqt ir-riflessjoni mhijiex fiha nnifisha talb. Lejn l-aħħar ta’ esperjenza ta’ volontarjat barra minn Malta, konna qegħdin nitkellmu b’ċerta libertà u ħafna serjetà dwar it-talb. Bdejna naqsmu fuq il-ħajja personali tagħna tat-talb u anke kif din l-esperjenza ta’ volontarjat għenitna. Uħud minna kienu midħla ta’ gruppi fejn it-talb kien parti essenzjali u allura kellhom ċertu ritmu ta’ talb. Imma dan ma kienx jgħodd għal kulħadd. U xi ħadd minna għamel din ir-rimarka: “Din l-esperjenza għenitni biex nieqaf u nirrifletti, imma għadni m’għamiltx il-pass tat-talb.” Kienet stqarrija sinċiera ħafna li kixfet xi ħaġa essenzjali dwar it-talb.

Illum niltaqgħu ma’ ħafna tekniċi ta’ meditazzjoni (b’mod speċjali dawk orjentali) li jiffukaw fuq l-iċċentrar tagħna fuqna nfusna u li nkunu f’armonija magħna nfusna u mal-bqija tal-ambjent ta’ madwarna. Imma żgur li din mhijiex il-meditazzjoni frott it-talb. Jekk xejn għaliex fit-talb ma niċċentrax ruħi fuqi nnifsi (din tiġi idolatrija tal-jien, alla ieħor falz mill-iktar irħas u fraġli) imma niċċentra fuq il-qalba tiegħi nnifsi, li hu Alla.

Barra minn hekk, it-talb mhux dejjem ikun konsegwenza tal-armonija. Inħoss il-bżonn tat-talb meta din l-armonija ma nkunx nista’ nsibha fija nnifsi hekk li nħoss il-ħtieġa tal-Ieħor. Inħoss il-bżonn tat-talb meta rrid ngħaqqad flimkien ix-xewqa li nifhem u nagħti sens lil ħajti mal-bżonn tar-relazzjonalità.

Li hemm tajjeb hu li l-bżonn tat-talb mhuwiex marbut mal-ġerarkija tal-bżonnijiet, inkwantu t-talb jista’ jitfaċċa f’kull stadju. Jekk nieqes mill-iktar bżonnijiet bażiċi, allura nitlob bit-tama li Alla jipprovdili. Imma, fl-istess waqt, it-talb jimmatura u jinżel iktar fil-fond skont liema sitwazzjoni tal-ħajja ninsab fiha. Jekk fil-bżonn ta’ sens ta’ sigurtà, il-livell tat-talb forsi mhuwiex bħal meta qed nesplora t-talb bħala ħbiberija jew sabiex insib it-triq ta’ ħajti. Imma xorta waħda huwa talb, hu dejjem bżonjuż, u jieħu l-forma tiegħu skont il-bżonn tiegħi f’dak il-mument.

Imma żgur li ma nistax ngħaddi mingħajr it-talb. Jekk ma nitlobx, ma jfissirx li nkun bniedem ħażin. Allaħares! Imma jfisser li hemm xi ħaġa nieqsa—u forsi indunajt ukoll li hemm xi ħaġa nieqsa imma għadha bla isem. Ifisser li għadni qed nipprova nsib is-sens ta’ ħajti mingħajr Dak li minnu jiġi s-sens tagħha għaliex ħalaqha hu. Min ma jemminx, probabbilment ma jħossux dan il-bżonn. Imma, jekk qrajt dan l-artiklu, sinjal li tal-anqas hemm mistoqsija li tista’ tikxef dan il-bżonn ġewwa fik u tiskoprik bil-għatx!