Il-Bżonn tat-Talb

Jekk qed tipprova timxi b’mod loġiku u mhux bħat-tfal, m’intix ser tibda titlob qabel tifhem il-bżonn tat-talb f’ħajtek. U m’intix ser tifhem il-bżonn tat-talb qabel tieqaf biex tifhem!

Karatteristika ta’ żmienna hi li nparlaw ħafna, għandna ħafna opinjonijiet, nagħmlu ħafna posts u niktbu ħafna kummenti, nippużaw għal ħafna ritratti, imma ftit li xejn naħsbu. U jidher li hu hekk għax, kieku nieqfu mqar nofs sekonda naħsbu ftit, probabbilment hemm ċans li xi ritratti nagħżel li jkun iktar għaqli li nħassarhom milli nperriċhom quddiem id-dinja kollha, ċerti kummenti npoġġihom b’mod aħjar, u ċerti opinjonijiet ninduna li qajla jagħmlu sens (lil hinn minn jekk humiex etiċi jew le).

Li naħseb! Anzi, li nieqaf u naħseb, għax biex naħseb (u naħseb bis-serjetà) jeħtieġ li ma nkunx impulsiv imma nieqaf mill-ġirja u r-ritmu normali biex nanalizza—bit-tama li wkoll xi darba nibda nifhem.

Dan l-isforz hu meħtieġ fejn jidħol it-talb għax it-talb mhuwiex bħal xi bżonnijiet oħrajn, bħalma huma l-ikel, ix-xorb, il-mistrieħ, is-sensazzjoni tas-sħana jew il-bard, fejn il-ġisem waħdu jurik li għandu nuqqas li jeħtieġ jiġi sodisfatt. Il-bżonnijiet iktar spiritwali tagħna—bħalma huma l-imħabba, ir-relazzjonalità, il-kreattività—jista’ jkun ukoll li nħossuhom b’mod kważi istintiv, imma ‘kważi’ għax xi kultant inħossu biss nuqqas u ma nkunux nistgħu faċilment nartikolaw x’inhu l-bżonn, jekk hux għax inħossni waħdi jew inħossni li nixtieq nagħmel xi ħaġa.

Ovvjament, hemm ġerarkija f’dawn il-bżonnijiet—bżonn jibni fuq ieħor—u ma nistax naħseb f’affarijiet li huma iktar spiritwali qabel ma jkolli l-bażiku. Imma huma dawn il-bżonnijiet ogħla li jagħmluna l-iktar umani u jiddistingwuna mill-annimali mhux razzjonali.

It-talb huwa parti mill-ħtieġa li nissodisfaw il-bżonn tar-relazzjonalità u li nsibu s-sens fil-ħajja. U, b’mod speċjali tat-tieni, ma nistax nasal għalih jekk ma niqafx naħseb. Għaliex hu meta nieqaf u naħseb, meta nirrealizza li r-realtà mhijiex ċatta imma għandha ħafna dimensjonijiet, li tkun tista’ tqum il-mistoqsija dwar is-sens … flimkien ma’ elf mistoqsija oħra! Ir-riflessjoni hija meħtieġa biex nirrealizza (u mhux sempliċiment b’mod pappagallesk) li barra d-dimensjonijiet tal-ispazju u ż-żmien, hemm ukoll dimensjoni li fiha tinkorpora kollox u tagħti direzzjoni lill-proċessi naturali li fil-wiċċ faċilment jidhru bla sens, arbitrarji u kapriċċużi minkejja r-regoli xjentifiċi kollha li għarafna nelenkaw biex nippruvaw nifhmu.