Xi Problemi Urġenti: il-Ħajja tal-Komunità Politika u l-Ħidma għall-Paċi
Id-dokument Gaudium et Spes jagħlaq b’żewġ kapitli, wieħed dwar il-ħajja tal-komunità politika u l-ieħor dwar il-ħdma għall-paċi u l-bini tal-komunità tal-ġnus. Tajjeb inżommu f’moħħna l-kuntest politiku tal-Gwerra Bierda—kuntest li, għalkemm illum inbidel, xorta waħda reġa’ jinsab f’sitwazzjonijiet traġiċi simili. Kienu wkoll żminijietna immarkati wkoll minn tibdil kbir fl-istrutturi u fl-istituzzjonijiet tal-popli frott l-iżvilupp kulturali, ekonomiku u soċjali tagħhom. Dan it-tibdil għandu influwenza kbira fuq il-ħajja tal-komunità politika, l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam mal-jeddijiet u d-dmirijiet ta’ kulħadd fl-eżerċizzju tal-libertà ċivili u fil-kisba tal-ġid komuni u mal-manjiera kif għandhom ikunu regolati r-relazzjonijiet taċ-ċittadini bejniethom u mal-awtorità pubblika.
Il-ħarsien tal-jeddijiet tal-persuna hija kundizzjoni meħtieġa biex iċ-ċittadini, sew bħala individwi sew bħala membri ta’ għaqdiet, jistgħu jieħdu sehem attiv fil-ħajja u t-tmexxija tal-istat. Huwa ta’ importanza kbira, l-aktar fejn hemm soċjetà pluralistika, li jkun hemm idea tajba tar-relazzjoni bejn il-komunità politika u l-Knisja, u li ssir distinzjoni ċara bejn dawk il-ħwejjeġ li l-Insara, sew bħala individwi sew fi gruppi, jagħmlu f’isimhom bħala ċittadini mmexxijin minn kuxjenza Nisranija, u dawk il-ħidmiet li jagħmlu f’isem il-Knisja flimkien mar-rgħajja tagħhom.
Iżda dan l-ideal għoli li tibni għall-bnedmin kollha u fuq l-art kollha dinja li tassew tixraq lill-bniedem, ma jistax iseħħ jekk il-bniedmin ma jħarsux ilkoll lejn il-paċi vera b’ruħ imġedda. Minn hawn jiġi li l-messaġġ tal-Evanġelju, li jaqbel mal-aspirazzjonijiet l-aktar nobbli tal-ġens tal-bnedmin, fi żminijetna jiddi b’dawl ġdid meta jsejjaħ imberkin lil dawk li jaħdmu għall-paċi “għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5, 9). Għalhekk, il-Konċilju, filwaqt li juri t-tifsira vera u l-aktar għolja tal-paċi u jikkundanna l-kruha tal-gwerra, jifhem jagħmel sejħa ħerqana lill-Insara biex, bl-għajnuna ta’ Kristu awtur tal-paċi, jaħdmu flimkien mal-bnedmin kollha biex isaħħu fosthom paċi mibnija fuq il-ġustizzja u fuq l-imħabba, u biex iħejju l-mezzi li jiksbu l-paċi.
Jenħtieġ li l-paċi tiġi mill-fiduċja tal-popli f’xulxin u mhux tkun imposta fuq nazzjonijiet mill-biża’ tal-armi. Kulħadd għandu jaħdem biex il-ġirja għall-armi fl-aħħar tintemm. Biex it-tnaqqis tal-armamenti jibda tassew, ma jistax isir minn xi banda waħda biss imma għandu jseħħ u jimxi ’l quddiem bl-istess pass skont trattat li jkun imsaħħaħ b’garanzji veri u effikaċi.
L-Insara għandhom jikkooperaw minn rajhom u bil-qalb kollha biex jinbena l-ordni internazzjonali, bil-ħarsien veru tal-libertajiet leġittimi u b’sens f’kulħadd ta’ ħbiberija u ta’ mħabba tal-aħwa. Huwa ta’ skandlu li xi nazzjonijiet, li fihom bosta drabi hemm maġġoranza ta’ Nsara, għandhom abbundanza ta’ ġid filwaqt li oħrajn huma neqsin mill-meħtieġ għall-ħajja u huma magħkusin mill-ġuħ, mill-mard u minn kull xorta ta’ miżerja. L-ispirtu tal-faqar u tal-karità huma l-glorja u x-xhieda tal-Knisja ta’ Kristu.
Dak kollu li l-Konċilju Mqaddes ippropona huwa meħud mit-teżori tat-tagħlim tal-Knisja bil-għan li jgħin il-bnedmin kollha, kemm jekk jemmnu f’Alla kemm jekk espliċitament ma jagħrfuhx, biex jifhmu aħjar is-sejħa sħiħa tagħhom, biex jagħmlu d-dinja taqbel aktar mad-dinjità l-aktar għolja tal-bniedem, biex ifittxu l-għaqda ta’ aħwa bejn kulħadd mibnija fuq pedamanet aktar sod, u biex, imqanqlin mill-imħabba, bi sforz ġeneruż flimkien iwieġbu għall-ħtiġiet urġenti ta’ żmienna.