L-Ispirtu s-Santu niżel fuq il-Knisja dakinhar ta’ Pentekoste. Minn dakinhar ’il quddiem, il-Knisja baqgħet issejjaħ lill-Ispirtu biex jiġi u jaħdem fiha.  Din l-invokazzjoni tissejjaħ ‘Epiklesi’.

Pereżempju, illum qabel il-Konsagrazzjoni waqt il-quddiesa nsibu dan il-kliem: 

Is-saċerdot iressaq idejh ma’ xulxin u jżommhom miftuħa fuq l-offerti u jgħid:

Qaddes għalhekk, nitolbuk, dawn l-offerti bil-barka tal-Ispirtu tiegħek, biex isiru għalina l-Ġisem u d-Demm ta’ Sidna Ġesù Kristu. (it-Tieni Talba Ewkaristika)

L-Epiklesi narawha wkoll fil-Griżma tal-Isqof.

L-Isqof jifrex u jqiegħed idejh fuq il-kandidati kollha f’daqqa, u jgħid:

O Alla li tista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, int tajt twelid ġdid lil dawn il-qaddejja tiegħek mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, u ħlisthom minn dnubietnhom; ibgħat fuqhom, Mulej, l-Ispirtu s-Santu, id-Difensur.

“Epiklesi” tfisser invokazzjoni, jiġifieri sejħa biex Alla jibgħat l-Ispirtu tiegħu. Normalment ikun hemm il-ġest tat-tqegħid tal-idejn. 

“Imbagħad l-appostli qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.” (Atti 8, 17)

Irridu niftakru li l-missjoni ta’ Ġesù li jsalvana mid-dnub kellha skop ulterjuri. Kif qal Ġwanni l-Battista, Ġesù kellu jkun dak li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu. U Ġesù nnifsu qal qabel ingħata l-mewt: 

“Madankollu, ngħidilkom is-sewwa, jaqblilkom li jiena mmur; għaliex, jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom; imma jekk immur, nibgħathulkom.” (Ġwanni 16, 7)

Jaqblilkom li Jiena mmur! Ġesù hu kollox għalina. Minkejja dan qalilna li jaqblilna li hu jmur—għax hekk biss seta’ jibgħat l-Ispirtu tiegħu fuqna.

L-invokazzjoni, l-Epiklesi, hi neċessarja għad-dixxiplu kif ukoll għall-Knisja. 

Għandna bżonnu l-Ispirtu. M’hemmx Sagramenti mingħajr l-Ispirtu s-Santu. M’hemmx qdusija mingħajr l-Ispirtu s-Santu. M’hemmx verità li teħlisna mingħajr l-Ispirtu s-Santu. M’hemmx kuxjenza safja mingħajr l-Ispirtu s-Santu. M’hemmx laqgħa personali mal-Missier mingħajr l-Ispirtu. M’hemmx vera spiritwalità mingħajr l-Ispirtu. 

Kif nistgħu nifhmu l-Iskrittura Mqaddsa mingħajr l-Ispirtu?

Kif nistgħu nikbru fil-karattru ta’ wlied Alla mingħajr l-Ispirtu?