Fl-10 ta’ Awwissu, il-Knisja tiċċelebra l-festa ta’ San Lawrenz li qeda dmirijietu bħala djaknu fil-Knisja ta’ Ruma. F’dan l-istess post li qassam il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu u xerred demmu għall-isem ta’ Kristu. Bħalma jgħid Santu Wistin f’wieħed mid-diskorsi tiegħu:
Ħabb lil Kristu f’ħajtu, u sar jixbhu fil-mewt.
Santu Wistin, Sermo 304.1.1 (PL 38.1395)
Din l-istess imħabba li wera Lawrenz għal Kristu, għandna nuruha aħna stess fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. L-aħjar xebh li jista’ jkollna ma’ Kristu huwa proprju li nixbhuh fl-eżempju. Il-qaddisin martri, li sa mill-bidu tal-Knisja taw ħajjithom għat-tixrid tal-Kelma ta’ Alla f’diversi artijiet, imxew fuq il-passi ta’ Kristu sat-tixrid ta’ demmhom. Mhux ta’ b’xejn li, fi knisja parrokkjali lokali ddedikata lil qaddis martri, ftit ’il fuq mill-pittura titulari nsibu l-kelmiet “Regi Similia Passus,” jiġifieri “Miet jixbah lis-Sultan,” għax il-martri mxew fuq il-passi ta’ Kristu f’ħajjithom, u saru jixbhu lir-Re tagħhom fil-mewt.
Interessanti li Santu Wistin fl-istess omelija jaċċenna għall-fatt li fil-ġnien tal-Mulej, “insibu mhux biss ward tal-martri, iżda wkoll ġilji tal-verġni, liedni tal-miżżewġin, u vjoli tar-romol. Ebda bniedem, ħuti għeżież, ma għandu jaqta’ qalbu mis-sejħa tiegħu; anqas xejn: Kristu għal kulħadd miet” (Sermo 304.3.2, PL 38.1396). Hi x’inhi s-sejħa tagħna, għandna nfittxu li nixbhu dejjem iżjed lil Kristu fl-għemil tagħna ma’ ħutna l-bnedmin.
U dan għaliex in-Nisrani jista’ jimxi fuq il-passi ta’ Kristu billi jkun umli, preċiżament dak li jgħid l-Appostlu Missierna San Pawl: “hu li għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir; sar jixbah lill-bnedmin, u deher minn barra bħala bniedem” (Fil 2, 6-7). Jekk l-Iben ta’ Alla ċekken lilu nnifsu b’dan il-mod, kemm iżjed aħna? Wara ħajja umli li għex, u wara l-passjoni u l-mewt tiegħu, Ġesù tela’ s-sema fejn jinsab fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla. Ejjew mela nimxu warajh, billi nfittxu dak li jibqa’ għal dejjem. Nagħlaq bil-kliem li l-Liturġija tpoġġi fuq fomm San Lawrenz stess: “Jiena nqim lil Alla tiegħi, u naqdi lilu waħdu.”