Fl-ewwel ta’ Awwissu l-Knisja kienet tiċċelebra festa ddedikata lill-ktajjen ta’ San Pietru—il-ktajjen li minnhom Pietru kien inħeles meta kien il-ħabs (ara Atti 12, 5-17). Għalkemm Pietru kien inħeles mill-ktajjen waqt li kien il-ħabs, fil-ħajja tiegħu nħeles minn numru ta’ ktajjen li kienu jżommu l-fidi tiegħu lura.
Eżempju ta’ dan huwa fil-ġrajja ta’ Pentekoste, meta Pietru kien dak li qam u ħabbar l-aħbar it-tajba u, permezz tal-kelma tiegħu, madwar tlett elef ruħ kienu mgħammda (Atti 2, 14-41). F’kapitlu 10 tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli nsibuh f’Ġaffa fejn huwa diġà stabbilit bħala mexxej tajjeb tal-knisja; imma hu fi kriżi għaliex ma setax jimmaġina lilu nnifsu jgħix ġo dar ta’ ġentili, fejn jittiekel ikel li kien meqjus impur. Imma hawn Pietru jkollu dehra ta’ liżar miftuħ li minnu bdew niżlin kull tip ta’ annimali meqjusa impura, u jisma’ l-kmand:
“Qum, Pietru, oqtol u kul.” Imma Pietru wieġeb: “Ma jkun qatt, Mulej! Jien qatt ma kilt ikel profan u mniġġes.” U l-leħen tennielu għal darb’oħra: “Dak li Alla saffa, int ma għandekx issejjaħlu mniġġes.” Dan ġara għal tliet darbiet. Imbagħad, f’daqqa waħda, dik il-ħaġa qisha liżar reġgħet ittieħdet ’il fuq lejn is-sema.
Atti 10, 13-16
Din il-bidla f’Pietru tista’ kważi tkun meqjusa bħala t-tieni konverżjoni tiegħu. Din il-bidla f’Pietru turih jinħall minn dawk il-ktajjen tal-fidi tiegħu li kienu qed iżommuh lura milli jsir jaf lil Alla. Il-bidla f’Pietru hija proċess u vjaġġ; u din tiġi mis-sejħa tiegħu minn Alla biex iħalli l-fidi tiegħu tmexxih ’il quddiem.
Bħal Pietru, ma nistgħux norbtu il-fidi tagħna bil-ktajjen u nħarsu biss lejn il-passat, imma rridu nkunu lesti li nivvjaġġaw f’din il-mixja ta’ fidi flimkien, għaliex il-fidi tbiddel lill-persuna kontinwament. Kif qal San Pietru nnifsu fid-dar ta’ Kornelju:
“Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun. Huwa bagħat il-kelma tiegħu lil ulied Iżrael u xandrilhom is-sliem permezz ta’ Ġesù Kristu, li hu s-Sid ta’ kollox.”
Atti 10, 34-36