Filwaqt li l-kranju hu magħżul u privileġġat mill-bqija tal-ġisem, il-ġisem sħiħ ta’ qaddis xi drabi kien jiġieb għall-qima tal-fidili. Fil-mensoli ta’ xi wħud mill-knejjes tagħna nsibu preservati l-fdalijiet ta’ bosta li, minkejja li xi drabi saħansitra isimhom intilef fil-ġirja taż-żmien, l-ambjent li fih għexu jgħarrafna li dawn għexu ħajja li tagħtihom il-ġieħ tal-altari u allura timmeritalhom il-venerazzjoni tal-fidili. Insibu diġà istanzi fl-Iskrittura li jagħtuna x’nifhmu l-valur tal-ġisem ta’ dawk li jikkooperaw mal-pjan salvifiku ta’ Alla. Naqraw fit-Tieni Ktieb tas-Slaten li, meta grupp ta’ ħallelin Mowabin sabu grupp ta’ rġiel qed jidfnu raġel, mifxgħulin bil-biża’, dawn tal-aħħar xeħtu l-ġisem tat-tali fil-qabar ta’ Eliżew. U, hekk kif ir-raġel mess mal-għadam ta’ Eliżew, dan qam mill-mewt (1 Slat 13, 21).
Ma ġarax l-istess meta l-protestanti tan-naħa ta’ fuq tal-Ewropa farrku l-fdalijiet qaddisa li l-Knisja kellha fil-kura tagħha. Iżda dawn ma damux wisq mingħajr relikwi. Hekk li, wara l-iskoperta tal-Katakombi dei Giordani fl-1578 f’Via Salaria ġewwa Parioli, mill-ġdid saru transulazzjonijiet varji ta’ fdalijiet ta’ qaddisin minn Ruma għal din il-parti tal-Ewropa sabiex l-insara ta’ hemm ma jibqgħux mingħajr fdalijiet qaddisa.
Lokalment, il-prattika ma kellhiex x’taqsam ma’ dan. Kienet l-aktar komuni bejn is-seklu sbatax u tmintax, u nsibu li f’dawn iż-żewġ sekli nġiebu xejn anqas minn erbgħa u għoxrin. Naqraw, pereżempju, kif l-Inkwiżitur Ruffo talab il-permess tal-papa biex jinġieb il-ġisem ta’ San Beninju għall-Birgu, u kif ukoll il-korp sant ta’ San Vittorju għall-parroċċa tan-Naxxar mill-Inkwiżitur Giovanni Mancinforte.
Il-miġja ta’ korp sant kienet tfisser festeġġjament kbar: vġili u purċissjonijiet, logħob tan-nar u orkestrazzjonijiet. Il-qima lejhom tant kienet kbir li, mhux biss dawn kienu jingħataw imsilet, ċrieket u ġiżirani, kif insibu fil-każ ta’ Santa Consolata tal-Karmelitani Skalzi f’ Bormla, iżda wkoll f’xi rħula bosta kienu jirċievu l-ismijiet ta’ dawn il-qaddisin fil-magħmudija. Hekk nsibu li f’Ħaż-Żabbar, sa fi żmienna wkoll, bosta ħadu l-isem ta’ Feliċ u derivattivi oħra ta’ San Feliċjanu, il-korp sant li nsibu f’din il-lokalità. F’dan il-każ ukoll konfraternità kienet imwaqqfa u marbuta miegħu bil-għan li xxerred il-karità.