Aħna ta’ Alla

Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, agħmel li norbtu dejjem ir-rieda tagħna ma tiegħek u naqdu s-setgħa tiegħek b’qalb safja. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Jien wettaqt id Ċiru, biex imidd ma’ l-art il-ġnus quddiemu.
Is 45, 1. 4-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Dan jgħid il-Mulej dwar il-midluk tiegħu, dwar Ċiru:
“Lilu qbadt minn idu l-leminija
biex inrażżan il-ġnus quddiemu
u nħoll il-ħżiem ta’ ġenbejn is-slaten;
niftaħ il-bibien quddiemu
u ebda bieb ma jibqa’ magħluq.
Minħabba Ġakobb, il-qaddej tiegħi,
u Iżrael, il-maħtur tiegħi,
jien sejjaħtlek b’ismek.
Tajtek isem ta’ ġieħ għad li lanqas tafni.
Jien il-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi,
m’hemmx Alla ieħor għajri.
Jien ħażżimtek għad li lanqas tafni,
biex mnejn titla’ x-xemx safejn tinżel,
il-bnedmin jagħrfu li m‘hemm ħadd ħliefi.
Jiena l-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi.”

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 95 (96), 1.3.4-5.7-8.9-10a.c

R/. (7b): Agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.

Għax kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna,
tal-biża’ aktar mill-allat kollha.
Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;
Jaħweh hu li għamel is-smewwiet! R/.

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;
agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu!
Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu. R/.

Inxteħtu quddiem il-Mulej b’tiżjin qaddis,
triegħdu quddiemu, nies kollha tal-art!
Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”.
Hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

Niftakru fil-fidi u fl-imħabba u fit-tama tagħkom.
1 Tess 1, 1-5b

Bidu tal-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Pawlu u Silvanu u Timotju lill-knisja ta’ Tessalonika f’Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu: grazzja lilkom u sliem. Aħna kull ħin niżżu ħajr lil Alla minħabba fikom ilkoll, u niftakru fikom dejjem meta nitolbu. Niftakru fil-ħidma li hi ġejja mill-fidi tagħkom u fit-taħbit li ħiereġ minn imħabbitkom; niftakru fil-qawwa tat-tama tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu quddiem Alla Missierna. Aħna nafu, ħuti, li Alla jħobbkom u għażilkom. Għax l-Evanġelju
tagħna lilkom ma kienx biss bil-kliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Fil 2, 15d.16a

Hallelujah. R/. Hallelujah
Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb,
u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja.
Hallelujah

Agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla.
Mt 22, 15-21

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma. U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa, mela: Int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?”.

Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? Uruni l-munita tax-taxxa”. Urewh dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?”. Qalulu: “Ta’ Ċesari!”. Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Għad li l-Fariżej u l-Erodjani kienu kontra xulxin, dakinhar ingħaqdu flimkien biex iġarrbu lil Ġesù. Huma daħlu fin fin, jinċensaw lil Ġesù bi kliemhom qabel ma tefgħulu l-lixka permezz tal-mistoqsija tagħhom. Il-ħlas tat-taxxa kienet kwistjoni politika taħraq u tniggeż fil-Palestina tal-ewwel seklu billi l-Imperu Ruman, li kien pagan, kien jgħabbi lil-Lhud b’ħafna taxxi. 

“Int x’jidhirlek?” staqsewh, “Sewwa jew le, li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?” (v.17). Fi kliem ieħor, sewwa jew le f’għajnejn Alla li wieħed iħallas it-taxxa lil imperatur pagan? Issa jekk Ġesù jwieġeb ‘sewwa’ jeħduha li qed jappoġja lir-Rumani u jmur kontra l-Lhud, u jekk iwieġeb ‘le’ daqs li kieku qed iqajjem rewwixta kontra r-Rumani. 

Iżda Ġesù, ta’ mgħallem li hu, jieħu vantaġġ mill-ħażen ta’ moħħhom biex jitkellem fuq il-ħwejjeġ ta’ Alla u jagħtihom tagħlima: “agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla” (v.21). Ladarba fuq il-munita tat-taxxa kien hemm wiċċ l-Imperatur Ruman, Tiberju Ċesari, meta jħallsu t-taxxa huma kienu qed iroddu lura lill-imperatur dak li hu tiegħu. Bi kliemu Ġesù jisfidhom biex iħarsu l-obbligi tagħhom lejn Alla daqs kemm iħarsu l-obbligi lejn Ċesari bħala ċittadini. Waħda mhix kontra l-oħra imma huma distinti u kumplimentari fl-istess ħin billi l-preżenza ta’ Alla f’ħajjitna ddawwalna fuq kif għandna nimxu fl-affarijiet tad-dinja. Lil Ċesari nagħtuh biss dak li hu tiegħu, dak li hu ta’ Alla nagħtuh lil Alla. 

Ċesari kien ordna li l-immaġini tiegħu tiġi mnaqqxa fuq il-muniti bil-kitba ‘bin id-divin Awgustu’ biex juri l-awtorità assoluta tiegħu fl-Imperu. Filwaqt li, sa mill-bidu, Alla naqqax ix-xbieha tiegħu fil-qalb ta’ kull bniedem, tana l-identità u d-dinjità ta’ wlied maħbuba tiegħu. Mela l-ewwel post f’ħajjitna għandna nagħtuh lilu għax aħna tiegħu. Aktar milli nonsbu u nġarrbu lil xulxin għanda nfittxu li rressqu lil xulxin lejn l-għajn tal-ħajja tagħna li hu l-Mulej. 

Bil-mod ta’ kif qed ngħixu, nistgħu ngħidu li qed nagħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla, jew aktar moħħna fil-ħwejjeġ tad-dinja? Qed inkunu xhieda tal-identità tagħna? Fil-ħajja ta’ kuljum, fil-familja, fil-komunità, fuq il-post tax-xogħol, mal-ħbieb, qed noħorġu fid-deher ix-xbieha ta’ Alla li hemm imnaqqxa fina? 

Talba

Roddu ħajr lil Mulej, għax hu tajjeb, 

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

Roddu ħajr lil Alla fuq l-allat, 

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. 

Roddu ħajr lis-Sid tas-sidien, 

għax għal dejjem it-tjieba tiegħu. (Salm 136, 1-3)