Bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva

Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan Sena B

Kolletta

Kolletta

O Alla, int b’mod tal-għaġeb terġa’ tħabbeb miegħek lill-bniedem permezz tal-Verb tiegħek: agħmel li l-poplu nisrani jitħejja b’qima kbira u fidi mħeġġa biex jiċċelebra l-festa solenni tal-Għid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-jasar u l-ħelsien tal-poplu huma sinjal tal-korla u l-ħniena tal-Mulej.
2 Kron 36:14-16,19-23

Qari mit-Tieni Ktieb tal-Kronaki

F’dak iż-żmien, il-kbarat kollha tal-qassisin u l-poplu komplew jidinbu u jagħmlu l-qżiżijiet kollha tal-ġnus, u niġġsu t-tempju tal-Mulej li hu kien qaddes f’Ġerusalemm. U billi ġietu ħasra mill-poplu tiegħu, u mill-għamara tiegħu, il-Mulej, Alla ta’ missirijiethom, kien ta’ sikwit jibgħat iwiddibhom bil-messaġġiera tiegħu. Iżda huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu, sa ma saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar. U ħarqulhom it-tempju ta’ Alla, ġarrfu s-swar ta’ Ġerusalemm, taw in-nar lill-palazzi kollha tagħha, u hekk qerdulha kulma kellha prezzjuż.

U dawk li ħelsu mill-qerda tax-xabla, Nabukodonosor eżiljahom lejn il-Babilonja, u baqgħu suġġetti għalih u għal uliedu, sa ma ġew jaħkmu fuqhom il-Persjani. Hekk seħħ dak li qal Alla b’fomm Ġeremija: “Sakemm tgawdi l-art il-mistrieħ ta’ Sibtijietha, ma tinħadimx l-art iż-żmien kollu tal-ħerba tagħha, sa ma jgħaddu sebgħin sena”.

Fl-ewwel sena ta’ Ċiru, sultan tal-Persja, biex isseħħ il-kelma tal-Mulej li kienet intqalet b’fomm Ġeremija, il-Mulej qanqal lil Ċiru, sultan tal-Persja, u dan xandar proklama fis-saltna tiegħu kollha, saħansitra bil-miktub, li kienet tgħid: “Dan jgħid Ċiru sultan tal-Persja: ‘Il-Mulej, Alla tas-sema, tani f’idejja s-saltniet kollha tal-art, u hu qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, li hi f’Ġuda. Kull min minnkom hu mill-poplu tiegħu, ħa jkun il-Mulej miegħu, u jitla’’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 136(137):1-2,3,4-5,6

R/. (6a): Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik, Ġerusalemm!

F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja,
hemm qgħadna bilqiegħda u bkejna,
aħna u niftakru f’Sijon.
Mas-siġar tal-luq tagħha,
dendilna ċ-ċetri tagħna. R/.

Għax hemm, dawk li ijassruna,
talbuna ngħannulhom xi għanja;
dawk li hemm għakksuna
stennew minna għana ta’ ferħ:
“Għannulna mill-għana ta’ Sijon”. R/.

Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej
f’art barranija?
Tibbiesli idi l-leminija,
jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm! R/.

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik,
jekk ma nżommx ’il Ġerusalemm
’il fuq minn kull ferħ tiegħi! R/.

Kontu mejta minħabba fid-dnubiet, u bi grazzja intom salvi.
Efes 2:4-10

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu – bi grazzja intom salvi. Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù.

Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 3:16

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Alla hekk ħabb lid-dinja
li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Alla bagħat lil Ibnu fid-dinja biex bih hija ssalva.
Ġw 3:14-21

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla.

U l-ġudizzju huwa dan: li d-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin. Għax kull min jagħmel il-ħażen jobgħod id-dawl, u ma jersaqx lejn id-dawl, biex għemilu ma jinkixifx. Imma min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Fil-Ħdud preċedenti, mis-siltiet tal-Evanġelji li nqraw rajna l-glorja tal-Mulej fuq it-Tabor u l-Ħadd li għadda rajna l-messaġġ profetiku dwar il-qawmien tal-Mulej fit-tielet jum, messaġġ li ġabna wiċċ imb wiċċ mad-Divinità ta’ Ġesù u l-ħtieġa tal-purifikazzjoni tal-mod ta’ kif ngħixu u nipprattikaw r-reliġjon tagħna.

Fl-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd għandna messaġġ profetiku ieħor: Bin il-bniedem se jkun imgħolli fuq kulħadd u fuq kollox, sabiex kull min jemmen fih u jħares lejh isalva. Ġesù miet għal kulħadd, bla ebda distinzjoni. Għal min jemmen, huwa l-uniku salvatur. Huwa offra lilu nnifsu minn rajh għas-salvazzjoni tal-umanità, tal-kreazzjoni. Kollox għamel bl-imħabba u għall-imħabba sabiex jagħti tama lill-bniedem. Ma ġiex biex jiġġudika l-bniedem, imma biex isalvah; ġie sabiex jurina d-dawl veru li huwa Hu. Sabiex naraw dan id-dawl veru rridu nibdew nagħrfu u nneħħu l-għamad li għandna quddiem għajnejna.

Madanakollu ħalliena liberi. Hu li miet sabiex kull bniedem jinħeles minn taħt is-setgħa tax-xitan, ħalla lill-bniedem liberu sabiex jagħżel hu jekk iridx jemmen fih jew le. Imma ġaladarba jemmen fih, jagħraf li fih biss hemm id-dawl veru, fih biss hemm is-salvazzjoni.

L-isfida tal-bniedem hi li jgħarbel sew lilu nnifsu jekk hux jemmen bis-sħiħ, u jaċċetta bl-akbar libertà u konvinzjoni li Ġesù hu veru l-uniku salvatur tiegħu.

Taħseb li Ġesù Kristu huwa l-uniku salvatur ta’ ħajtek? Jew għandek allat oħra f’ħajtek li temmen aktar fihom milli f’Ġesù Kristu?

Talba

Mulej Ġesù, ilkoll kemm aħna għandna xi għamad quddiem għajnejna li jimpedina milli naraw id-dawl veru tiegħek. F’dan iż-żmien tar-Randan, żmien ta’ riflessjoni, urina x’forma jieħu l-għamad tagħna. Saffi lil qalbna u seddaqna fl-umiltà sabiex, anke bil-għajnuna ta’ persuni kompetenti, dan l-għamad jitlef il-qawwa tiegħu ħalli inti terġa’ tieħu postok f’ħajti, sabiex inti tkun l-ewwel fuq kollox u fuq kulħadd.