Dan hu Ibni l-għażiż

Magħmudija tal-Mulej, Sena A

Kolletta

O Alla, inti llum b’kewkba mexxejt il-ġnus u għarraftilhom lil Ibnek il-waħdieni; fil-ħniena tiegħek agħtina li aħna, li diġà għarafniek bis-saħħa tal-fidi, naslu biex nitgħaxxqu bik wiċċ imb wiċċ fis-sebħ tal-kobor tiegħek fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Araw il-qaddej tiegħi li fih qalbi strieħet.
Is 42, 1-4.6-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,
il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!
Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu, biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.

Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu; ma jsemmax leħnu fil-pjazez,
qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx.
Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.

Ma jegħjiex, ma jitfarrakx,
sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art;
u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.

Jien il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,
qbadtek minn idek u ħaristek,
u għamilt minnek patt tal-poplu,
dawl għall-ġnus,

biex int tiftaħ għajnejn l-għomja,
toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,
u lil dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 28 (29), 1a-2.3ac-4.3b u 9b-10

R/. (11b): Il-Mulej ibierek il-poplu tiegħu bis-sliem

Agħtu lill-Mulej, ulied Alla,
agħtu lill-Mulej glorja u qawwa.
Agħtu lill-Mulej il-glorja ta’ ismu,
qimu l-Mulej fl-għamara mqaddsa tiegħu. R/.

Leħen il-Mulej fuq l-ibħra;
il-Mulej fuq l-ibħra kotrana.
Leħen il-Mulej bil-qawwa,
leħen il-Mulej bil-glorja. R/.

Alla tal-glorja jriegħed,
u fit-tempju tiegħu kulħadd jgħid: “Glorja!”.
Il-Mulej jaħkem fuq l-għargħar;
isaltan il-Mulej għal dejjem. R/.

Alla jikkonsagra lil Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu s-Santu.
Atti 10, 34-38

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Pietru qabad jitkellem u qal: “Issa tassew qiegħed nifhem li Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqa’ lil kull min għandu l-biża’ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.

Huwa bagħat il-Kelma tiegħu lil ulied Iżrael u xandrilhom is-sliem permezz ta’ Ġesù Kristu, li hu s-Sid ta’ kollox. Intom tafu b’dak li ġara mal-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija, wara li Ġwanni kien xandar il-magħmudija; tafu kif Alla kkonsagra lil Ġesù ta’ Nażaret bl-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa, u kif dan Ġesù għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mk 9, 7

Hallelujah. R/. Hallelujah

Is-smewwiet infetħu, u leħen il-Missier instama’:
“Dan hu Ibni l-għażiż: isimgħu lilu”.

R/. Hallelujah

Ġesù wara li tgħammed, ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel u jieqaf fuqu.
Mt 3, 13-17

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù ġie mill-Galilija lejn il-Ġordan għand Ġwanni biex jitgħammed minnu. Imma Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u inti tiġi għandi?”. Ġesù qallu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu, biex intemmu s-sewwa kollu”. Imbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed.

Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

Riflessjoni

Ġwanni ma ħalliehx … Ġwanni ħallieh jitgħammed

Dan Ġwanni kien profeta, kellu fih sens qawwi ta’ xi jrid Alla, kellu l-ħila jara fil-fond tal-qalb u tas-sitwazzjoni u jitkellem ċar fuq hekk skont ma kien iħoss li Alla qed jurih. Mela ra lil Ġesù. Intebaħ min hu skont il-pjan ta’ Alla, li kien il-magħżul, il-maħtur, il-Messija, u ħaseb li għalhekk m’għandux jitqies midneb bħall-oħrajn u lil Ġesù ma riedx iħallih jitgħammed. Imma b’dak li jgħidlu Ġesù jibdel il-mod kif kien qed jara din il-ġrajja tal-magħmudija ta’ Ġesù. Dan ifisser li aċċetta lil Ġesù bħala Sidu, bħala akbar minnu quddiem Alla, li jista’ jitkellem b’awtorità f’ħajtu u ħallieh jitgħammed.

Hemm xi ħadd f’ħajtek li jkellmek b’awtorità f’isem Alla fuq ħajtek, fuq l-imġiba tiegħek?

Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu.

Bħala bniedem, għal tletin sena, Ġesù għex bħal kull Lhudi ieħor, segwa t-tradizzjonijiet reliġjużi kollha, tgħallem jaqra t-Torah, il-Liġi ta’ Alla u obda l-Kmandamenti. Għex f’Nazaret ma’ ommu Marija u missieru Ġużeppi u tgħallem is-sengħa ta’ mastrudaxxa. Kollox ordinarju. Mar għand Ġwanni biex jitgħammed bħal mijiet ta’ Lhud oħra. U hawn jispiċċa l-ordinarju. Għax il-meravilji li kienu tħabbru mill-profeti bdew iseħħu fih, il-Messija ta’ Alla l-ħaj, il-Qaddej ta’ Jaħweh. Dan ġara malli l-Ispirtu ta’ Alla niżel fuqu, jiġifieri għammdu, dilku, imlih. Xejn ma baqa’ l-istess. Minn hawn Ġesù beda jwettaq is-salvazzjoni tal-bnedmin.

U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi.”

Il-Missier jiddikjara pubblikament li dar-raġel minn Nazaret hu IBNU l-għażiż, l-għaxqa tiegħu. Għal min jemmen f’Alla, dikjarazzjoni bħal din għandha tqanqlu biex hu wkoll jagħmel dikjarazzjoni pubblika, “Dan hu l-Mulej u s-Salvatur tiegħi: fih sibt l-għaxqa tiegħi”.

Tagħraf li int bħala dixxiplu ta’ Ġesù għandek mandat biex ixxandar min hu Sidek bi kliemek, b’għemilek u b’ħajtek? Turi f’ħajtek li dan Ġesù hu l-Messija, il-Mibgħut ta’ Alla?

Talba

Missier qaddis, għax aħna maħluqin xbieha ta’ Ibnek u mifdijin minnu, inti wkoll titgħaxxaq bina bħala wliedek. Qaddes il-ħajja ordinarja tagħna sabiex inħalluk tqaddisna permezz tagħha, u nħalluk twettaq ir-rieda tiegħek permezz tagħna.

Ammen