Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir

Solennità tal-Qaddisin Kollha

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, bl-għajnuna tiegħek qegħdin nagħmlu festa solenni biex nagħtu ġieħ lill-qaddisin tiegħek kollha f’daqqa għall-merti tagħhom; ilqa’ t-talb li tant qaddisin joffrulek għalina, u xerred fuqna bil-kotra l-ħniena mixtieqa tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Rajt kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha.
Apok 7, 2-4. 9-14

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

Jiena, Ġwanni, rajt anġlu ieħor tiela’ bis-siġill ta’ Alla l-ħaj min-naħa tal-lvant, u b’leħen għoli għajjat lill-erba’ anġli li lilhom kienet ingħatat is-setgħa li jagħmlu l-ħsara lill-art u lill-baħar, u qalilhom: “Tagħmlulhomx ħsara lill-art u lill-baħar, anqas lis-siġar, qabel ma nkunu stampajna s-siġill fuq il-ġbin tal-qaddejja ta’ Alla tagħna.”

Imbagħad smajt x’kien l-għadd tal-issiġillati: mija u erbgħa u erbgħin elf issiġillati, minn kull tribù ta’ wlied Iżrael. Wara dan ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jista’ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf, lebsin ilbiesi twal bojod, u bil-friegħi tal-palm f’idejhom. U għollew leħenhom u bdew jgħidu: “Is-salvazzjoni nafuha lil Alla tagħna li qiegħed fuq it-tron, u lill-Ħaruf.”

L-anġli kollha kienu qegħdin madwar it-tron u madwar ix-Xjuħ u l-erba’ Ħlejjaq Ħajjin, u waqgħu wiċċhom fl-art quddiem it-tron jagħtu qima lil Alla u jgħidu: “Amen. It-tifħir u l-glorja, l-għerf, ir-radd ta’ ħajr u l-ġieħ, il-qawwa u s-saħħa lil Alla tagħna, għal dejjem ta’ dejjem! Ammen.” Imbagħad wieħed mix-Xjuħ qabad u staqsieni: “Dawn li għandhom l-ilbiesi twal bojod fuqhom min huma, u minfejn ġejjin?” “Inti taf, sinjur”, għedtlu jien. Imbagħad qalli: “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajjduhom fid-demm tal-Ħaruf.”

Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 23 (24), 1-6

℟. Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu wiċċek, Mulej.

Tal-Mulej hi l-art u kulma fiha,
id-dinja u kulma jgħix fiha.
Għax hu fuq l-ibħra waqqafha,
u fuq ix-xmajjar fis-sod qegħedha. ℟.

Min jista’ jitla’ fuq l-għolja tal-Mulej,
min joqgħod fil-post imqaddes tiegħu?
Min għandu idejh indaf u qalbu safja,
min ma jagħtix ruħu għall-frugħa. ℟.

Dan ikollu barka mingħand il-Mulej,
u l-ħlas li ħaqqu minn Alla, is-Salvatur tiegħu.
Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh;
li jfittxu ’l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb. ℟.

Naraw ’l Alla kif inhu.
1 Ġw 3, 1-3

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

Għeżież: Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier;
nistgħu nissejħu wlied Alla, u hekk aħna tassew.
Għalhekk id-dinja ma tagħrafniex, għax ma għarfitx lilu.

Għeżież, issa aħna wlied Alla,
imma x’se nkunu ’l quddiem mhuwiex irrivelat lilna.
Madankollu nafu li meta jidher hu,
aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu.
Kull min għandu din it-tama fih,
jissaffa bħalma safi huwa Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 11, 28

Hallelujah. ℟. Hallelujah.
Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,
u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.
℟. Hallelujah.

Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.
Mt 5, 1-12a

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien: Ġesù, kif ra l-folol, tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid:

“Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.
Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.
Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.
Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.
Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Henjin intom, meta jgħajjrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet.”

Il-Kelma tal-Mulej.
℟. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Aħna u niċċelebraw is-Solennità tal-Qaddisin kollha, tajjeb nirriflettu fuq xi tfisser għalina l-qdusija. Min huma l-qaddisin li tagħhom qed niċċelebraw il-festa llum? “Dawn huma dawk li ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (Apok 9, 14). Huma jissejħu qaddisin mhux għaliex kienu perfetti, iżda għaliex laqgħu l-grazzja t’Alla fil-ħajja tagħhom u ħadmu qatigħ sabiex iwettqu r-rieda tiegħu. Huma mxew fuq il-passi tal-Mulej Ġesù u komplew il-missjoni tiegħu fid-dinja, kull wieħed u waħda skont id-doni li rċevew.

Is-sejħa għall-qdusija hija s-sejħa tagħna lkoll li rċevejna l-grazzja tal-Magħmudija. Il-vjaġġ jibda bil-konverżjoni, u jkompli fit-triq imfassla fuq il-Beatitudnijiet, it-triq tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, it-triq li jgħallimna l-Mulej Ġesù, it-triq li twassal għall-hena tassew. Tabilħaqq, l-hena tassew insibuh mhux meta niksbu u rrekknu ġid materjali, iżda meta nilqgħu lill-Mulej fil-ħajja tagħna u nwasslu d-dawl tiegħu fid-dinja. Din hi l-ħajja tal-qaddisin, bħal kulħadd huma jgħixu fid-dinja mtappna bil-ħażen, iżda jżommu ħarsithom il-quddiem fit-triq li fasslilhom il-Mulej Ġesù u li mexa hu stess qabilhom.

Il-fqir fl-ispirtu huwa hieni għax mhuwiex marbut mal-ġid materjali, jew imkabbar bih innifsu, iżda sempliċi u umli, lest li jagħti kollox bl-imħabba. Il-fqir fl-ispirtu ma jqis li għandu xejn tiegħu, fl-istess ħin għandu kollox għax għandu lil Kristu jsaltan f’qalbu. It-tama tal-bniedem hieni hija f’Alla, anke fin-niket u t-tbatija.

Huwa jitnikket meta jara l-ħażen, iħoss l-uġigħ, u juri solidarjetà mal-batut. Is-Saltna tas-Smewwiet nibnuha bil-ħlewwa u bl-umiltà. Il-bniedem ta’ qalbu ħelwa mhuwiex dgħajjef, jew beżżiegħ, imma b’saħħtu quddiem l-isfidi tal-ħajja. Ma jweġibx bil-vjolenza għall-vjolenza jew inġustizzja, imma dejjem ifittex li jġib il-paċi.

Ġesù jsejjaħ hieni lil dak li jfittex li sseħħ il-ġustizzja, jaħdem għall-paċi, u juri ħniena ma’ min jiżbalja jew jinsab fil-bżonn. Hieni l-bniedem li għandu l-Kristu jgħix fih u jħalli l-kelma tiegħu issaffilu qalbu. Huwa sinċier f’dak kollu li jagħmel, u jagħmel kollox bl-imħabba bħal Kristu. Il-bniedem tas-Saltna, jeħtieġ li jkun kuraġġuż, biex ma jibżax jagħmel dak li hu tajjeb, anke meta ta’ madwaru jidħqu bih, jew iwarbuh.

Il-vjaġġ lejn il-qdusija huwa dejjem taqbida bejn is-Saltna tas-Smewwiet u d-dinja, li tgħożż il-fama, il-poter, il-flus, is-suċċess. Dak li jitlob minna l-Mulej nistgħu ngħixuh biss bl-Ispirtu Qaddis tiegħu li jgħammar fina. Il-Beatitudnijiet huma t-triq tal-ħajja, henjin aħna jekk ngħixuhom! 

Talba

Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek;
huma jmexxuni;
iwassluni sal-għolja mqaddsa tiegħek
u sal-għerejjex tiegħek.
U nidħol ħdejn l-altar ta’ Alla,
Ħdejn Alla, ferħ u hena tiegħi.
U rroddlok ħajr biċ-ċetra,
o Alla, Alla tiegħi.

Salm 43, 3-4