Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba

It-Tmienja u Għoxrin Ħadd ta’ matul is-Sena B

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil-Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Intbaħt li l-għana mhu xejn ħdejn il-għerf.
Għerf 7:7-11

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

Jien tlabt u qlajt l-għaqal;
sejjaħt, u ġie fuqi l-ispirtu tal-għerf.
Dan l-għerf qistu aqwa minn kull xettru u tron,
u ntbaħt li l-għana mhu xejn ħdejh.
Ma xebbahtx miegħu l-ħaġra l-aktar prezzjuża,
għax id-deheb kollu ħdejh mhuwiex ħlief ftit ramel,
u l-fidda quddiemu qisha ftit tajn.
Aktar mis-saħħa u s-sbuħija ħabbejtu,
u għoġobni aktar mid-dawl;
għax id-dija tiegħu ma tgħib qatt.
Mal-għerf ġieni l-ġid kollu,
u miegħu ġiebli għana bla qies

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Salm 89(90):12-13,14-15,16-17

R/. (14): Imliena bit-tjieba tiegħek, Mulej.

Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,
sabiex aħna nimxu bil-għaqal.
Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?
Ħenn għall-qaddejja tiegħek. R/.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,
biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.
Ferraħna daqskemm għakkistna,
għas-snin li fihom rajna l-ħsara. R/.

Ħa jidher għemilek quddiem il-qaddejja tiegħek,
u l-kobor tiegħek quddiem uliedhom.
Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!
Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,
wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

Il-Kelma ta’ Alla tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.
Lhud 4:12-13

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb. Xejn ma hemm fil-ħolqien li hu moħbi għalih, imma kollox hu miftuħ għal għajnejn Alla, li lilu rridu nagħtu kont.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 5:3

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
R/. Hallelujah.

Mur, bigħ li għandek, u ejja u imxi warajja.
Mk 10:17-30

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”.

Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”.

U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid.

Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.

Qabeż Pietru u qallu: “Tajjeb! Aħna ħallejna kollox u ġejna warajk”. Qallu Ġesù: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Lectio Divina

L-Evanġelju tal-lum jippreżenta laqgħa personali bejn Ġesù u raġel li ġenwinament jixtieq li jikseb il-ħajja ta’ dejjem. Huwa jiġri għand Ġesù u jinżel għarkupptejh quddiemu. Xi ħaġa fi kliem Ġesù qanqlet fih ix-xewqa li jkun jaf aktar. Dan iwassal biex jinħoloq djalogu bejn Ġesù u dan il-bniedem mgħallem. Ġesù jidħol f’relazzjoni ma’ dan l-individwu—kelma tant qawwija fi żminijietna fejn, qalb is-superfiċjalità ta’ dinja sekularizzata, nixxenqu għal relazzjonijiet iktar profondi.

Dan huwa dak li jagħmel Ġesù hawn. Huwa jimpenja ruħu ma’ din il-persuna b’mod personali ħafna. Anki l-punt tat-tluq ta’ Ġesù huwa l-isfond ta’ dan ir-raġel.  Huwa jibda bil-Kmandamenti, li r-raġel kien familjari magħhom. Ġesù jimpenja ruħu ma’ kull wieħed u waħda minna b’mod uniku.

L-enfasi fuq Ġesù li jixħet fuqu ħarsa ta’ mħabba hija tant sabiħa. Hawn hu l-fus tar-relazzjoni bejn Alla u l-bnedmin. L-imħabba tiegħu hija tant kbira li, bħala t-Tieni Persuna tat-Trinità, Ġesù daħal fil-limitazzjonijiet tal-ħin u l-ispazju u nifed l-abbiss tal-ħażen. Is-salvazzjoni tiegħu testendi għal kulħadd, iżda sseħħ f’relazzjoni personali bejn Ġesù u kull wieħed u waħda minna.

Dan il-bniedem kien mexa sew fit-triq. Huwa kien familjari mal-kmandamenti. Għax jagħraf sa fil-fond tiegħu, Ġesù jistiednu jimxi pass ’il quddiem. Jistiednu biex joħroġ mill-kumdità tiegħu. Jistiednu jimxi lil hinn milli jfittex li jkun fil-kontroll sabiex ikun jiddependi għal kollox fuqu.

Il-ħajja Nisranija hija dinamika u tirrikjedi impenn totali. Li tirċievi l-Ispirtu tal-Mulej jinvolvi li tmur lil hinn, u dan għaliex ninsabu fi vjaġġ ta’ żvilupp. Bħal dak ir-raġel li kien sinċerament interessat li jkun jaf aktar, aħna mħeġġa mmorru lil hinn mill-kumdità tagħna, li xi drabi tjassarna, sabiex nikbru. Madankollu, din hija sfida għax ifisser li ser ikollna nħallu warajna dak li s-soltu nserrħu fuqu. Hija sfida għax aħna medhijin infittxu li nkunu kontinwament fil-kontroll tal-ħajja tagħna. Madankollu, dan huwa eżerċizzju fil-fidi u, fuq kollox, fl-imħabba; fil-fiduċja li Alla jaf x’inhu l-aħjar għalina. Hija d-deċiżjoni tagħna li nwieġbu għall-fiduċja li Alla għandu fina.

Talba

Mulej, ħallini nitgħallem napprezza r-relazzjonijiet iktar mill-affarijiet l-oħrajn kollha. Ħallini niftakar li int stess bdejt relazzjoni magħna. Ir-relazzjonijiet huma essenzjali f’ħajjitna; hekk kif infittxu rabtiet reali u dejjiema ma’ xulxin, u speċjalment miegħek.

Mulej, agħtini s-saħħa biex inħalli warajja dak li jżommni ’l bogħod mill-imħabba tiegħek. Agħtini s-saħħa biex inħallik tieħu kontroll ta’ ħajti.

Mulej, ħallini nġedded il-wegħdiet tal-Magħmudija u nħalli l-Ispirtu tiegħek jaħdem fija sabiex nagħti xhieda awtentika tal-imħabba Nisranija.

Mulej, ħa niftakar li int biss tista’ timla l-vojt f’qalbi. Qalbi mxennqa għalik; qalbi tixxennaq biex tistrieħ fit-tgħanniqa tal-imħabba tiegħek.