Ħalliha, sinjur, għal din is-sena

It-Tielet Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil–Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Kolletta

O Alla, kull ħniena u tjieba ġejja minnek; inti wrejtna illi s-sawm u t-talb u l-għoti ta’ karità lill-foqra jagħtuna l-qawwa kontra d-dnub; ħares, fit-tjieba tiegħek, lejn din l-istqarrija umli ta’ ħtijietna, biex aħna, li l-kuxjenza tagħna ttaqqalna, ikollna dejjem l-għajnuna tal-ħniena tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

JIENA-HU bagħatni għandkom.
Eż 3:1-8a,13-15

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, Mosè kien jirgħa l-merħla ta’ ħatnu Ġetru, qassis ta’ Midjan, u ħa l-merħla ’l hemm fid-deżert, u wasal sa ħdejn Ħoreb, il-muntanja ta’ Alla. Hawn deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħuġġieġa nar qalb l-għollieq. Mosè ħares u ra l-għollieq jaqbad bin-nar bla ma jintemm. Mosè qal: “Ħ nersaq u nara din id-dehra tal-għaġeb: għala mhux jinħaraq l-għllieq?”. Il-Mulej rah riesaq biex jara, u Alla sejjaħlu minn qalb l-għollieq u qallu: “Mosè, Mosè!”. U Mosè wieġeb: “Hawn jien!”. U l-Mulej qallu: “La tersaqx ’l hawn. Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa”. U ssokta jgħidlu: “Jien hu Alla ta’ missirijietek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb”. Mosè għatta wiċċu, għax beża’ jħares lejn Alla.

U l-Mulej qallu: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba u wiesgħa, f’art tnixxi ħalib u għasel”.

Mosè reġa’ wieġeb: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: ‘Alla ta’ missirijietkom bagħatni għandkom’. Huma jistaqsuni: ‘X’jismu?’. Jiena xi ngħidilhom?”. Alla wieġbu: “Jien li Jien”. U kompla jgħidlu: “Hekk għidilhom lil ulied Iżrael: ‘Jiena-Hu bagħatni għandkom’”. U Alla kompla jgħidlu: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael: ‘Jaħweh, Alla ta’ missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, bagħatni għandkom’. Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 102(103):1-2,3-4,6-7,8,11

R/.(8): Ħanin u twajjeb il-Mulej.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!
B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.
Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu li jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

Il-Mulej jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.
Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. R/.

Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu. R/.

Il-ħajja tal-poplu ma’ Mosè fid-deżert inkitbet bi twissija għalina.
1 Kor 10:1-6,10-12

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ma rridkomx ma tkunux tafu, ħuti, li missirijietna lkoll kienu taħt is-sħaba, ilkoll qasmu l-baħar, ilkoll kienu mgħammda f’Mosè fis-sħaba u fil-baħar, ilkoll kielu mill-istess ikel spiritwali – xorbu tassew mill-blata spiritwali li kienet timxi magħhom, u din il-blata kienet Kristu – madankollu l-biċċa l-kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ilkoll waqgħu mejta fid-deżert.

Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxennqu huma. Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom il-Qerried. Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-żminijiet. Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mt 4:17

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Indmu, jgħid il-Mulej
għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda.
Lq 13:1-9

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, ġew xi wħud għand Ġesù u qalulu b’dawk il-Galilin li Pilatu kien ħallat demmhom mad-demm tal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom. U Ġesù qabad u qalilhom: “Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom. Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa’ t-torri ta’ Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm? Le, ngħidilkom; imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda”.

U qalilhom din il-parabbola: “Wieħed kellu siġra tat-tin imħawla fl-għalqa. Mar ifittex il-frott fiha, u ma sabx. Għalhekk qal lil dak li kien jaħdimlu l-għalqa: ‘Ara, ili tliet snin niġi nfittex il-frott f’din is-siġra tat-tin, u qatt ma sibtilha. Mela aqlagħha! Għax għalfejn se tibqa’ tkidd l-art?’. Iżda dak wieġbu: ‘Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott; jekk le, aqlagħha’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Huwa biss l-Evanġelista San Luqa li jirrakkonta dawn iż-żewġ ġrajjiet u l-parabbola tas-siġra tat-tin li għal tliet snin ma għamlitx frott. Luqa jippreżenthom fuq fomm Ġesù fi triqtu lejn Ġerusalemm. Fil-fatt Ġesù kien għadu kif spiċċa jitkellem eżatt fuq l-importanza li dawk ta’ madwaru—u allura aħna stess—nitgħallmu nfissru ż-żmien li għaddejjin minnu … u allura niġġudikaw aħna stess x’inhu s-sewwa.

Ġesù hawnhekk iġib fix-xejn it-twemmin żbaljat li kellhom il-Lhud ta’ żmienu: il-liġi tar-retribuzzjoni, jiġifieri t-twemmin li l-kastig/it-tbatija/id-diżgrazzji li wieħed iġarrab f’ħajtu huwa riżultat tad-dnub li hu stess kien wettaq. Ġesù proprju jieħu dan l-ispunt sabiex jiġbed l-attenzjoni ta’ dawk ta’ madwaru li:

  • il-konsegwenza tad-dnub tagħna mhix kwistjoni tal-ħażen ta’ xi ħadd barra minna (bħalma kien il-ħażen ta’ Pilatu fir-rigward ta’ dawk il-Galilin);
  • il-konsegwenza tad-dnub tagħna l-anqas mhi kwistjoni ta’ xi diżgrazzja (bħalma kienet id-diżgrazzja ta’ dawk it-tmintax-il ruħ li waqa’ fuqhom it-torri ta’ Silwam).

Imma l-konsegwenza tad-dnub tagħna hija deċiżjoni li nieħdu aħna stess … bil-ħsieb, bil-kliem u bl-għemil tagħna stess.

  • Il-ġudizzju tagħna mhux suġġett għall-ħażen ta’ ħaddieħor.
  • Il-ġudizzju tagħna mhux suġġett għal ċirkostanza li ma kellniex kontroll fuqha.

Imma l-ġudizzju tagħna huwa proprju marbut mad-deċiżjoni fina nfusna ta’ kemm se nibqgħu stinati fil-ħażen tagħna. Għal darbtejn Ġesù jtenni l-stess diskors: “Le, ngħidilkom, imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu bħalhom.”

Xi tfisser “tindem”?

Tindem tfisser tbiddel ir-rotta … tbiddel id-direzzjoni—kultant saħansitra terġa’ lura u tibda mill-ġdid.

Huwa f’dan l-isfond li l-parabbola tas-siġra tat-tin tieħu t-tifsira tagħha. Is-siġra tat-tin tirrappreżenta lilna

  • li minkejja l-okkażjonijiet li jiġu ppreżentati lilna nibqgħu nagħżlu li ma nagħtux il-frott mistenni minna;
  • li minkejja ż-żmien li jiġi afdat lilna nibqgħu stinati li ma rridux nikkolaboraw mar-rieda ta’ Alla għalina.

Xi skop fiha siġra tat-tin li frott ma tagħtix? Xi skop fiha ħajjitna jekk nibqgħu niċħdu l-istess skop li għalih ġejna maħluqa?

Interessanti li r-rakkont ta’ Luqa jħallina bla konklużjoni. Ma nafux it-tmiem tal-parabbola. Jew aħjar: ma nafux kif żvolġa t-tmiem ta’ din is-siġra. Tgħid għax għad għandna ċ-ċans (speċjalment dan iċ-ċans li l-Knisja tagħtina permezz tar-Randan)

  • li nagħtu l-frott mistenni minna?
  • li ma nibqgħux stinati fid-dnub tagħna?
  • li nikkolaboraw mal-istess rieda tas-Sinjur li għaliha ġejna maħluqa?
  • li nibdlu r-rotta u ma nibqgħux inkiddu l-art?

It-tmiem tas-siġra tat-tin f’din il-parabbola mhux magħruf lilna … għax proprju l-konsegwenza tal-għażliet tagħna (il-ġudizzju) jiddependu minna … huma f’idejna!

Talba

Sinjur, inti ħawwiltni fl-għalqa u għal tliet snin sħaħ ġejt tfittex il-frott mingħandi u ma sibtx.

Tħallinix nibqa’ stinata fid-dnub tiegħi. Tħallinix nibqa’ b’qalbi magħluqa. Tħallinix nibqa’ niġġustifika dak li hu ħażin fija.

Inti tafni sewwa. Ħawwiltni u ħadt ħsiebi sa minn ċkuniti. Matul dan ir-Randan nissel fija sentimenti ta’ ndiema ħalli nibdel ir-rotta … ħalli meta terġa’ tiġi s-sena d-dieħla, issibli l-frott … u jien imbagħad inkun tassew ilħaqt l-iskop li Inti ħawwiltni għalih.

Ammen.