Ħobb lil għajrek bħalek innifsek

It-Tletin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, kattar fina l-fidi, it-tama u l-imħabba, u agħmel li nħobbu l-kmandamenti tiegħek biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedtna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Jekk taħqru l-armla u l-iltim, il-qilla tiegħi tixgħel għalikom.
Eż 22, 20-26

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

Dan jgħid il-Mulej:
“La taħqarx il-barrani, u la tgħakksux, għax intom ukoll kontu barranin fl-art tal-Eġittu. La taħqrux l-armla jew l-iltim, għax jekk taħqruhom, u huma jsejħuli, jien żgur nismagħha l-għajta tagħhom; u l-qilla tiegħi tixgħel, neqridkom bix-xabla; u n-nisa tagħkom jormlu u wliedkom jisfaw iltiema.

Jekk inti tislef lil xi fqir mill-poplu tiegħi, iġġibx ruħek miegħu bħal wieħed sellief, u teħodlux imgħax.

Jekk lil għajrek teħodlu l-libsa tiegħu b’rahan, agħtihielu lura qabel inżul ix-xemx; għax hu dik biss għandu biex jitgħatta, dik biss l-għata ta’ ġismu; inkella fiex tridu jorqod? Għax jekk isejjaħli, jiena nisimgħu, għax jien ħanin”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 17 (18), 2-3a.3bc-4.47.51ab

R/. (2): Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi

Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi!
Il-Mulej blata tiegħi,
fortizza u ħellies tiegħi. R/.

Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi u tarka tiegħi,
qawwa tas-salvazzjoni tiegħi u kenn tiegħi!
Insejjaħ lill-Mulej, li hu ta’ min ifaħħru,
u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi. R/.

Ħaj il-Mulej! Imbierek hu, il-blata tiegħi!
Ikun imfaħħar Alla tas-salvazzjoni tiegħi!
Hu jkabbar ir-rebħ lis-sultan tiegħu,
juri mħabbtu mal-midluk tiegħu. R/.

Intom dortu lejn Alla mill-idoli, biex taqdu lil Alla u tistennew lil Ibnu.
1 Tess 1, 5c-10

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonkin

Ħuti, intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid tagħkom. Intom sirtu tixbhu lilna u l-Mulej, billi lqajtu l-kelma fost ħafna taħbit bil-ferħ tal-Ispirtu s-Santu. Hekk intom sirtu mudell għal dawk kollha li emmnu fil-Maċedonja u l-Akaja. Mhux biss il-kelma tal-Mulej ħarġet minn għandkom u xterdet fil-Maċedonja u l-Akaja, imma l-fidi li għandkom f’Alla xterdet ma’ kullimkien b’mod li aħna ma għandna għalfejn ngħidu xejn. Huma stess jgħidu x’laqgħa kellna għandkom, u kif dortu lejn Alla u tlaqtu l-idoli biex taqdu lil Alla ħaj u veru u tistennew ġej mis-sema lil Ibnu, li hu qajjem mill-imwiet, Ġesù li ħelisna mill-korla li ġejja.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej
u Missieri jħobbu,
u aħna niġu u ngħammru għandu.
R/. Hallelujah

Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u lil għajrek bħalek nnifsek.
Mt 22, 34-40

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, il-Fariżej, meta semgħu kif lis-Sadduċej kien saddilhom ħalqhom, inġabru madwaru, u wieħed minnhom, għaref fil-Liġi, għamillu din il-mistoqsija biex iġarrbu: “Mgħallem, liema hu l-kmandament il-kbir, fil-Liġi?”. Qallu Ġesù: ““Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu”. Dan hu l-kmandament il-kbir u l-ewwel wieħed. U t-tieni jixbhu: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Dawn iż-żewġ kmandamenti huma l-qofol tal-Liġi kollha u tal-Profeti”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

L-Evanġelista San Mattew jippreżentalna wieħed Fariżew, għaref fil-Liġi, li, minkejja li l-Liġi kien jafha tajjeb ħafna, qalbu kienet ’il bogħod minn dak li tgħid l-istess Liġi. L-intenzjoni tiegħu ma kinitx ġenwina. L-iskop tiegħu kien li jġarrab lil Ġesù. Imma l-Imgħallem m’għandux kantunieri. Bħalma sadd ħalq is-Saduċej fuq il-qawmien mill-imwiet fir-rakkont preċedenti, hekk ukoll isodd ħalq dan l-għaref fil-Liġi li ttanta jġarrbu. 

Fi żmien Ġesù, il-poplu ta’ Iżrael kellu diversi liġijiet u preċetti oħra. Kien hemm diskussjonijiet sħaħ fuq liema minn dawn il-kmandamenti kien l-akbar. Ġesù, li kapaċi jaqra l-qlub u dak li hemmm mistur fihom, għaraf l-intenzjoni moħbija ta’ dak li kellu quddiemu. U ta’ għaref veru li hu, ġabar il-liġijiet kollha fl-imħabba tagħna lejn Alla u lejn xulxin. Dan għamlu billi kkwota żewġ versi mill-istess Skrittura li dan l-għaref tal-Liġi suppost kien midħla tagħha. L-ewwel tweġiba, “Ħobb lilll-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu,” hija meħudha mill-Ktieb tad-Dewteronomju kapitlu 6 vers 5. Dan il-kmandament jindirizza l-imħabba assoluta lejn il-Missier. Il-tliet fakultajiet imsemmija (il-qalb, ir-ruħ u l-moħħ) jiġbru fihom l-għotja totali ta’ dak kollu li aħna lejn il-Missier. Mhix għotja maqsuma fiha nnifisha, imma hija waħda kompluta, totali, sħiħa.

Però Ġesù ma waqafx hemm. Hu, minn jeddu, kompla jwieġbu billi rabat l-imħabba lejn Alla ma’ dik tal-proxxmu … anzi stqarr li “t-tieni jixbhu: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.’” Din it-tweġiba nsibuha preċiż fil-ktieb tal-Levitiku kapitlu 19 vers 18. Skont Ġesù dawn iż-żewġ kmandamenti jmorru id f’id u huma l-qofol tal-Iskrittura kollha. Ma tistax tgħix waħda mingħajr l-oħra. Ma tistax tifridhom. Waħda torbot mal-oħra. It-tieni jixbah lill-ewwel. Anzi, it-tieni huwa l-mera tal-ewwel. Dan il-ħsieb insibuh ukoll fl-ewwel Ittra ta’ San Ġwann (1Ġw 4, 20b): “Min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” Għax tassew, kif tista’ tasal għand il-Mulej jekk mhux permezz tal-bnedmin? 

Talba

Mulej, l-ewwel nett nitolbok issaffi fija l-intenzjoni. Mhux dejjem tkun perfetta, anke jekk minn barra tidher tajba. Inti taf sewwa x’hemm mistur f’qalbi. Aħfirli meta dak li hemm moħbi ma jaqbilx mal-kliem tiegħek. Aħfirli meta ppretendejt li nobbdi l-ewwel kmandament u warrabt fil-ġenb it-tieni. Aħfirli meta fridthom u rraġunajt li wieħed m’għandux x’jaqsam mal-ieħor.  

Għinni sabiex nara lilek f’ta’ ħdejja, fil-kollega tax-xogħol, fil-qraba u fil-ħbieb. Għinni niftakar li hemm Inti wara kull persuna. Għinni niftakar li dak li nagħmel magħhom inkun qiegħed nagħmlu miegħek … u dak li ma nagħmilx magħhom inkun qiegħed ma nagħmlux miegħek. Ammen