Hu jagħtikom Difensur

Sitt Ħadd tal-Għid

Kolletta

O Alla li tista’ kollox, agħmel li niċċelebraw b’ħerqa kbira dawn il-ġranet ta’ ferħ li fihom qegħdin nagħtu ġieħ lill-Mulej li qam mill-imwiet, u agħtina li l-istess għemil tagħna jkun xhieda tal-ġrajja li qegħdin infakkru. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.
Atti 8, 5-8.14-17

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
F’dak iż-żmien, Filippu niżel f’belt tas-Samarija u xandar lil Kristu lin-nies tagħha. Il-folol tan-nies b’fehma waħda kienu joqogħdu attenti għal dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħuh u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. Kien hemm nies maħkuma mill-ispirti ħżiena, u dawn b’għajat kbir kienu joħorġu minn ħafna minnhom; u ħafna nies oħrajn, mifluġa jew zopop, kienu jitfejqu. U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.

L-appostli, li kienu Ġerusalemm, semgħu li s-Samarija laqgħet il-kelma ta’ Alla, u bagħtu hemm lil Pietru u lil Ġwanni. Dawn niżlu hemm u talbu biex dawk li emmnu jirċievu l-Ispirtu s-Santu; għax l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss f’isem il-Mulej Ġesù. Imbagħad l-appostli qiegħdu idejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 65 (66), 1-3a.4-5.6-7a.16.20

R/. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla, bnedmin tad-dinja kollha
Jew R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għajtu bil-ferħ lil Alla,
bnedmin tad-dinja kollha;
għannu s-sebħ ta’ ismu,
xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.
Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek! R/.

L-art kollha tagħtik qima,
tgħannilek u tgħanni lil ismek”.
Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;
tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.

Biddel il-baħar f’art niexfa,
għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.
Għalhekk, nifirħu bih!
Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem. R/.

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,
intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,
ngħidilkom x’għamel miegħi.
Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;
ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu! R/.

Ġie mogħti għall-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fir-ruħ.
1 Piet 3, 15-18

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom. Imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett. Żommu safja l-kuxjenza tagħkom biex, meta jgħidu fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom fi Kristu jkollhom għalxiex jistħu. Jekk din tkun ir-rieda ta’ Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin.

Għax Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 14, 23

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;
u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.

R/. Hallelujah

Jiena nitlob il-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor.
Ġw 14, 15-21

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Meta s-solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema tiġi ċċelebrata nharil-Ħadd li ġej, illum jistgħu jinqraw it-tieni qari u l-Evanġeljutas-seba’ Ħadd tal-Għid.

Riflessjoni

Is-silta ta’ dan il-Ħadd tkompli ma’ dik tal-Ħadd ta’ qabel. Ġesù fiċ-ċenaklu qed jipprepara lid-dixxipli għal meta se jkunu mingħajr il-preżenza fiżika tiegħu fix-xogħol—il-missjoni—li kien se jafdalhom. Ġesù qed ifarraġhom b’dak li se jseħħ meta jitla’ lura għand il-Missier, li se niċċelebrawh il-Ħadd li ġew, u l-Miġja tal-Ispirtu s-Santu, li tiġi ċċelebrata l-Ħadd ta’ wara nhar Għid il-Ħamsin. 

U llum ukoll Ġesù jerġa’ jitkellem fuq l-imħabba: “Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi”—tħobbuni tfisser tħobbuni bil-fatti. Il-kwalità tal-imħabba li jitkellem fuqha hija l-imħabba agape, kwalità ta’ mħabba fejn ma taħsibx fik innifsek imma kif tista’ tgħin u taqdi lil min hu fil-bżonn. 

Biex inħobbu lil Ġesù b’mod konkret, irridu nħobbu lill-oħrajn kif ħabbna Hu. In-nies kienu jmorru wara Ġesù għax, meta kienu jisimgħuh jitkellem kien jolqothom, iferraħhom, ifarraġhom, u jagħmilhom ferħanin. Kien jaqdihom fil-ħtiġijiet tagħhom. Għalhekk kien hemm l-eluf miegħu meta wettaq il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, jew meta Marija, oħt Lazzer, kienet titlaq kollox u tintilef tisimgħu. Hekk iridu jħossuhom dawk li niltaqgħu magħhom fid-diversi ċirkostanzi fil-ħajja tagħna. Jafu li lesti nisimgħuhom, ngħinuhom bi kliem ta’ faraġ u f’kull ħtieġa. 

Il-messaġġ ta’ Alla l-Missier li jwasslilna Ġesù bil-fatti, aħna rridu insarrfuha f’azzjonijiet mal-proxxmu tagħna. Biex jgħinna nagħmlu dan, iwegħidna l-Ispirtu s-Santu li jsejjaħlu ‘Difensur ieħor’ għax Ġesù hu wkoll difensur li jidħol għalina quddiem il-Missier bħalma jikteb l-istess Evanġelista f’waħda mill-ittri tiegħu. Jekk ma jkunx l-Ispirtu s-Santu li Ġesù jibagħtilna, kieku aħna m’aħna xejn. Id-don tal-Ispirtu nirċevuh fil-Magħmudija u fil-Konfermazzjoni, imma jkompli jagħtihulna bil-grazzja attwali tiegħu fl-għajnuniet li l-Ispirtu Qaddis jagħtina fiċ-ċirkostanzi tal-ħajja llum u issa. Kemm hu sabiħ li, meta jkollna xi problema, inlissen kelma żgħira: Spirtu s-Santu, agħtini d-dawl kif għandi nġib ruħi

Meta Ġesù jgħid li mhux se jħallina ltima, qed iserraħ ras l-Appostli li, wara l-mewt tiegħu, se jerġa’ jiġi u jkun preżenti fil-ħajja tagħhom u tagħna. U dakinhar “intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom.” Dan hu li jitwettaq ta’ kull darba fl-Ewkaristija, meta fil-quddiesa jkollna l-għaqda tal-komunità bejnietna fit-Trinità Qaddisa.

Talba

Sinjur Alla, għinni nħobbok billi nħares il-kmandamenti tiegħek fil-fatti. Għinni nistma b’rispett lill-oħrajn. Agħmel li persunti tnissel fiduċja f’dawk li niltaqa’ magħhom. Agħtini d-dawl permezz tal-Ispirtu Qaddis tiegħek sabiex nagħraf inġib ruħi kif meħtieġ f’kull ċirkostanza tal-ħajja tiegħi ta’ kuljum ma’ dawk li inti tlaqqagħna magħhom.