Araw il-Ħaruf ta’ Alla, li jneħħi d-dnub tad-dinja
It-Tieni Ħadd Matul is-Sena A
Kolletta
O Alla ta’ setgħa bla tarf, li taħkem fuq kollox, fis-sema u fl-art, isma’ bit-tjieba t-talb tal-poplu tiegħek, u agħtina l-paċi fi żmienna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Fit-Tieni Ħadd ta’ Matul is-Sena, ta’ kull sena l-Evanġelju u l-Qari jkomplu jiżvolġu t-tema tal-Epifanija, ta’ Alla li juri ruħu lill-umanità: lill-ġnus kollha fil-persuna tat-tliet maġi, u l-Magħmudija fejn għandna rivelazzjoni tat-Trinità, jiġifieri ta’ Alla fis-singularità tiegħu magħmula minn tliet persuni li sa minn dejjem huma l-istess imħabba. Fit-Tieni Ħadd Matul is-Sena, allura, il-liturġija tkompli tiżviluppa din it-tema permezz ta’ siltiet mill-ewwel żewġ kapitlu tal-Evanġelju skont San Ġwann, filwaqt li terġa’ lura għall-ordinarjetà u l-kalma tal-lewn liturġiku aħdar li jirrifletti l-ħajja tal-Knisja u, xi ftit ukoll, il-ħajja naturali li tieħu ż-żmien tagħha biex tikber u timmatura.
Fis-Sena A li fiha qegħdin, għandna kważi kważi Evanġelju li jirrepeti dak li nqara fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej li, minħabba li l-Epifanija ġiet tard ħafna, ġiet iċċelebrata t-Tnejn li għadda. Però, differenti mir-rakkonti l-oħra tal-magħmudija ta’ Ġesù li nsibu f’San Mark, San Mattew u San Luqa (l-Evanġelji msejħin sinottiċi), l-awtur tar-Raba’ Evanġelju jagħtina l-perspettiva ta’ Ġwanni l-Battista ta’ dan l-avveniment: jurina kif il-ħaġa esperjenzaha hu u kif wasslitu biex jagħraf li dak li ġie jitgħammed għandu ma kienx midneb kwalunkwe bħall-oħrajn imma kien il-Ħaruf ta’ Alla bla dnub u li se jneħħi d-dnubiet tad-dinja għax kien l-Iben ta’ Alla.
U, biex jispjega dan, l-Evanġelista jpoġġi fuq fomm il-Battista sensiela ta’ verbi li huma wkoll importanti għall-mixja tagħna ta’ fidi hekk kif minn nhar il-Ħadd nibdew pass pass interrqu ma’ Ġesù permezz tal-Evanġelju skont San Mark.
Ġwanni l-Battista kontinwament jenfasizza li ra: xi ħaġa straordinarja dehret quddiemu u hu raha, u raha mhux biss għax id-dawl ħabat ma’ għajnejh u ġie pproċessat mill-moħħ bħal kwalunkwe ħaġa oħra li naraw, imma ra fid-dawl ta’ dak li bagħtu jgħammed, jiġifieri Alla. Ġwanni ma weħilx sempliċiment mal-ispettakolari u s-sabiħ, bħalma spiss nagħmlu aħna u bla dubju għamilna f’dawn il-festi li għaddew fejn it-tentazzjoni dejjem tkun li neħlu ma’ dak li jidher u jagħtina gost, li mhijiex ħaġa ħażina fiha nnifisha imma hemm it-tentazzjoni li nibqgħu ma ninżlux fil-fond tat-tifsira vera. Ġwanni, meta ra l-Ispirtu nieżel fuq Ġesù, fehem li dak kien l-Iben ta’ Alla.
Ħamiem naraw kemm trid, anzi nixtiequ li naraw kemm jista’ jkun inqas, b’mod speċjali jekk tkun tieħu ħsieb tnaddaf postijiet massivi bħalma huma l-knejjes. Imma bħala Nsara rridu nitgħallmu nilbsu n-nuċċali tal-lenti ta’ Ġwanni l-Battista sabiex, f’dak kollu li jseħħ quddiemna u madwarna, inkunu kapaċi naraw fejn qiegħed jaħdem Alla u fejn le; naraw fejn dak li jidher tajjeb u qed jagħmel suċċess huwiex neċessarjament it-tajjeb li għandu jsir; naraw fejn aħna qegħdin nippruvaw nisirqu x-xena flok inħallu lil Alla fiċ-ċentru.
Verb ieħor enfasizzat huwa li Ġwanni qal: jiġifieri, mhux biss ħares lejn ir-realtà mill-perspettiva ta’ Alla li tiftaħ beraħ l-orizzonti dejjem iktar u wasal biex jifhem, imma dak li fehem, dak li għaraf, hu ta xhieda għalih. Xhieda li kienet tfisser li ftit ftit l-attenzjoni mhux se tibqa’ ffukata fuqu li kien jgħammed bl-ilma biss bħala sinjal ta’ penitenza u allura ftuħ, wisgħa, biex Alla jkun jista’ jidħol, imma l-attenzjoni jeħtieġ li tkun fuq dak li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu: fuq Kristu, dak li mhux biss seta’ jwassal għall-indiema u l-konverżjoni, imma seta’ wkoll jagħti l-maħfra u s-salvazzjoni għax hu l-Ħaruf ta’ Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja.
Talba
Mulej Ġesù, nixtiequ li bħal Ġwanni, il-verbi “ra,” “qal,” u “xehed” jiggwidaw l-ħajja Nisranija tagħna hekk li ma tkunx mhux sempliċiment reliġjożità u devozzjonaliżmu imma tkun ħajja tassew Nisranija—jiġifieri fuq il-forma tiegħek, Ġesù ta’ Nazaret—hekk li, mhux nispikkaw biex nispikkaw, imma nispikkaw għax nidhru li hemm xi ħaġa oħra u allura, bħal Ġwanni, ma nħallux in-nies jeħlu fuqna imma nkunu nistgħu nerfgħu idna u b’subgħajna nippuntaw lejk bħala dak li waħdek tista’ tagħti l-maħfra u s-salvazzjoni.
Ammen