Il-Missier li jersaq

Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan – Sena Ċ

Tista’ ssegwi l-qari kollu bil–Lingwa tas-Sinjali Maltija.

Kolletta

O Alla, int b’mod tal-għaġeb terġa’ tħabbeb miegħek lill-bniedem permezz tal-Verb tiegħek; agħmel li l-poplu nisrani jitħejja b’qima kbira u fidi mħeġġa biex jiċċelebra l-festa solenni tal-Għid. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-poplu ta’ Alla jidħol fl-art imwiegħda u jiċċelebra l-Għid.
Ġoż 5:9a,10-12

Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Ġożwè: “Illum jien neħħejtilkom minn fuqkom l-għajb tal-Eġittu”. Ulied Iżrael waqqfu l-kamp tagħhom f’Gilgal. Hemm, fil-witat ta’ Ġeriko, għamlu l-Għid filgħaxija tal-erbatax tax-xahar. U sewwasew l-għada tal-Għid, huma kielu mill-frott tal-art: ħobż ażżmu u qamħ inkaljat.

Minn dakinhar, wara li kielu mill-frott tal-art, il-manna waqfet. Ulied Iżrael ma kellhomx aktar manna, imma minn dik is-sena bdew jieklu milli bdiet tagħtihom l-art ta’ Kangħan.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 33(34):2-3,4-5,6-7

R/.(9a): Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej.

Kull ħin inbierek il-Mulej;
tifħiru dejjem fuq fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi;
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;
ħa ngħollu ismu flimkien.
Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,
minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,
u ma jkollkomx għax tistħu.
Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,
u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.

Alla ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu.
2 Kor 5:17-21

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid; il-qadim għadda u daħal il-ġdid. Kollox ġej minn Alla li ħabbibna miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu u tana l-ministeru ta’ din il-ħbiberija tal-bnedmin ma’ Alla. Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu, bla ma qagħad iżomm il-kont ta’ dnubiethom, u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija. Aħna nagħmluha ta’ ambaxxaturi ta’ Kristu bħallikieku Alla stess qiegħed isejjaħ permezz tagħna, nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu. Dak li ma kienx jaf x’inhu dnub, Alla għamlu dnub għalina sabiex aħna nsiru fih ġustizzja ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 15:18

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu:
Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab.
Lq 15:1-3,11-32

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu bi ħġarhom lejn Ġesù biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom!”.

U Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid’. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih.

Imbagħad daħal fih innifsu u qal: ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek’.

Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. It-tifel qallu: ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek’.

Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’. U għamlu festa.

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Dak qallu: ‘Hawn ħuk u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: ‘Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen’. Qallu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni għar-Raba’ Ħadd tar-Randan

Illum il-qari tal-Evanġelju jibda billi jurina t-tenerezza u s-sensittività ta’ Ġesù lejn il-pubblikani u l-midinbin u l-emarġinati tas-soċjetà. U din l-attitudni u preferenza tikkuntrasta sew ma’ dawk tal-kittieba u l-Fariżej li bl-ebda mod ma setgħet tinżlilhom imaġni ta’ Alla li jħenn u jagħder daqshekk lil min jikser il-liġijiet u l-kmandamenti tiegħu, aħseb u ara ta’ Rabbi li jemmen f’din l-imaġni u jwassalha fil-predikazzjoni u l-ġesti kollha tiegħu.

Kull persuna tixtieq u tieħu pjaċir meta ssib min jagħdirha, jaħfrilha, jagħtiha ċans ieħor, u ma jiġġudikahiex, kien x’kien il-passat tagħha u għamlet x’għamlet. Imma llum Ġesù jfakkarna b’mod qawwi ħafna, permezz tal-parabbola tal-Iben il-Ħali—jew aħjar tal-Missier iktar ħali minn ibnu fl-imħabba li kellu lejh—li dak li nixtiequ li nirċievu jeħtieġ li l-ewwel noffruh aħna lill-oħrajn. U dan isir biss possibbli meta nesperjenzaw wiċċ il-Mulej kollu ħniena u kompassjoni lejna, u nimtlew b’sens kbir ta’ gratitudni u umiltà għal dak kollu li għamel magħna. Meta aħna nagħrfu l-iben iż-żgħir ta’ ġo fina u nesperjenzaw l-imħabba bla tarf tal-Missier fil-modi konkreti kif din tasal u titlaħħam f’ħajjitna, imbagħad jirnexxilna ma nkunux l-iben il-kbir li ħalla l-għira għal ħuh iż-żgħir tirbħu minflok ma mtela bil-gratitudni lejn Missieru għal dak kollu li kellu. Meta nagħrfu tabilħaqq is-sejħa, ir-responsabbiltà u l-identità li rċivejna fil-Magħmudija biex bħal Ġesù nkunu profeta, qassis u sultan, inħossuna tant grati lejn il-Missier li jħobbna li lanqas biss tgħaddilna minn moħħna li nippuntaw subgħajna u niġġudikaw lil ħaddieħor, imma qalbna mfawwra bl-imħabba u l-ħniena ta’ Alla tkun trid taqsamhom ma’ ħaddieħor, anki jekk ikun hemm prezz ftit għoli x’jitħallas.

Jekk naraw ġewwa fina il-pubblikan u l-midneb, li jesternaw ruħhom f’tant modi u forom, u nagħmlu l-kuraġġ biex nersqu lejn il-Missier, l-Abba li jħobbna personalment, l-iben il-kbir ta’ ġo fina ma jkunx hemm postu aktar. Nistgħu nimmaġinaw familja, grupp ta’ nies, komunità ta’ fidi, anki soċjetà inġenerali, fejn ħadd ma jiġġudika u jikkundanna lil ħadd, imma kull persuna tfittex biss il-ġid tal-oħra u tasal tmur barra minn triqtha biex twettaq dan il-ġid? F’dawn l-ambjenti ssir ħafna aktar faċli biex il-Missier isib in-nagħaġ il-mitlufa, għax jiġri warajhom permezz tiegħek u tiegħi, permezz tad-doni li żejjinna bihom.

Talba:

Missier Qaddis, grazzi ta’ kull don u sejħa u stedina li għamiltilna u tibqa’ tagħmlilna anki meta niġru ’l bogħod minnek. Nitolbuk issaffi lil qalbna minn kull spirtu ta’ għira, u timlina bl-Ispirtu Qaddis tiegħek li jħeġġiġna biex niġru wara dawk li huma ’l bogħod minnek, biex nuruhom il-ħniena u l-kompassjoni tiegħek. Ħalli l-Ispirtu jdawwalna biex insibu dejjem modi ġodda ta’ konverżjoni profonda tal-qalb, għalina nfusna u għal dawk kollha li jmissu magħna. Agħmilna strumenti tiegħek u f’idejk biex inwasslu l-fejqan, noffru tama u nixhdu għall-imħabba tiegħek li twassalna fl-eternità. Ammen.