Int se tnissel fi ħdanek u jkollok iben

Raba’ Ħadd tal-Avvent – Sena B

Kolletta

Sawwab f’ruħna, Mulej il-grazzja tiegħek, biex aħna li, bit-tħabbira tal-Anġlu, għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, bil-passjoni u l-mewt tiegħu naslu fis-sebħ tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem.
2 Sam 7:1-5,8b-12,14a,16

Qari mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel

Meta s-Sultan David mar joqgħod f’daru, u l-Mulej serrħu mill-għedewwa kollha ta’ madwaru, is-sultan qal lil Natan il-profeta: “Issa, ara jien qiegħed f’dar taċ-ċedru, u l-arka ta’ Alla qiegħda f’nofs ta’ tinda!”.

U qal Natan lis-sultan: “Kulma għandek fi ħsiebek li tagħmel, mur agħmlu, għax il-Mulej miegħek”.

Imma dak il-lejl stess ġiet il-kelma tal-Mulej lil Natan u qallu: “Mur għid lill-qaddej tiegħi David: ‘Dan jgħid il-Mulej: Se tibnili int dar biex noqgħod fiha? Ara, jiena ħadtek mill-mergħat minn wara l-imrieħel biex tkun prinċep fuq il-poplu tiegħi Iżrael. Dejjem kont miegħek f’kulma kont tidħol għalih; u meta int qridt l-għedewwa tiegħek kollha minn quddiemek. Issa jiena nibnilek isem kbir jixbah l-ismijiet il-kbar li hawn fid-dinja. Nagħmel post għall-poplu tiegħi Iżrael, u nqiegħdu hemm fejn jgħammar bla biża’, u ma jgħakksuhx iżjed il-ħżiena bħalma għamlu sa minn dejjem, jiġifieri sa minn meta qajjimt l-imħallfin fuq il-poplu tiegħi Iżrael; u nserrħek mill-għedewwa tiegħek kollha. Lilek imbagħad il-Mulej jagħtik kelma li jibnilek dar. U meta inti ttemm żmienek, u tkun striħajt ma’ missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-saltna tiegħu. Jiena nkun għalih missier, u hu jkun għalija iben. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi. It-tron tiegħek jibqa’ sħiħ għal dejjem’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 89(88):2-5,27,29

R/.(2): It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni.

F’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
Għax jien għedt:
“Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;
bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”. R/.

“Għamilt patt mal-magħżul tiegħi,
ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem,
li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek”. R/.

“Hu jsejjaħli: ‘Int missieri
u Alla tiegħi, fortizza u salvazzjoni tiegħi!’.
It-tjieba tiegħi nżommha fuqu għal dejjem,
u l-patt tiegħi miegħu jibqa’ sħiħ”. R/.

Il-misteru li kien moħbi fis-skiet tal-eternità issa ġie rrivelat.
Rum 16:25-27

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, lil Alla li għandu l-qawwa
li jwettaqkom fl-Evanġelju li nħabbar jien,
jien u nxandar lil Ġesù Kristu,
skont ir-rivelazzjoni tal-misteru
li kien moħbi fis-skiet tal-eternità;
lil dan Alla li issa rrivelalna dan il-misteru,
u għarrfu lill-ġnus bil-kitba tal-Profeti,
skont l-ordni tiegħu, Alla ta’ dejjem,
biex iwassalhom għall-ubbidjenza tal-fidi;
lil dan Alla, waħdu fl-għerf, il-glorja għal dejjem ta’ dejjem
b’Ġesù Kristu. Ammen.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 1:38

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej:
ħa jsir minni skont kelmtek!
R/. Hallelujah

Int se tnissel fi ħdanek u jkollok iben.
Lq 1:26-38

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek”.

Hi tħawdet ħafna għal dan il-kliem, u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet qatt tfisser din it-tislima. Iżda l-anġlu qalilha: “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru, u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu”.

Iżda Marija qalet lill-anġlu: “Kif ikun dan, ladarba ma nagħrafx raġel?”. Wieġeb l-anġlu u qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla. Ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal, għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”.

Imbagħad qalet Marija: “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!”. U l-anġlu telaq minn quddiemha.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

F’dan l-aħħar Ħadd tal-Avvent, il-Liturġija tal-Kelma tippreżentalna għar-riflessjoni tagħna l-mument tat-tnissil ta’ Ġesù fil-ġuf tal-Verġni Marija. Il-Liturġija għal diversi drabi matul is-sena tippreżentalna dil-ġrajja. U, meta aħna nisimgħu l-Kelma “tħabbira,” mill-ewwel immorru bil-ħsieb tagħna għal din it-tħabbira partikulari.  

Il-ġrajjiet tat-tħabbira ta’ Ġesù u t-twelid tiegħu f’Betlehem ispiraw diversi artisti f’kull żmien. l-istess jista’ jingħad għal kitbiet spiritwali u teoloġiċi. Fit-talb tal-Insara, sa minn mijiet ta’ snin ilu, it-talba tal-Ave Maria (is-Sliema) u t-talba tal-Angelus huma l-aktar li jingħadu f’kull ħin mad-dinja kollha, anke permezz tar-Rużarju u talb devozzjonali ieħor. 
F’dan ir-rakkont, Marija tidher quddiemna bħala Eva l-ġdida magħżula minn Alla sabiex permezz tal-“Iva” tagħha jseħħ fil-milja tiegħu l-pjan tas-salvazzjoni li kien inbeda bil-wegħda solenni ta’ Alla fir-rakkont tal-ħolqien u l-waqgħa: “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jagħmel għal rasek u int tagħmel għal għarqubu” (Ġen 3, 15). L-Evanġelista jippreżentalna lil Marija bħala mudell mill-aqwa kemm ta’ dixxiplu li semgħet il-Kelma ta’ Alla u wettqitha, u kif ukoll ta’ kif jeħtieġ li aħna nwieġbu għas-sejħat li jagħmlilna l-Mulej.

Imma, partikularmentfil-kuntest liturġiku ta’ dan il-Ħadd hekk qrib il-Milied, il-messaġġ ewlieni huwa ffukat fuq it-tnissil ta’ dak li se jissejjaħ “Bin l-Għoli” għax “il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru” u se jsaltan għal dejjem. Permezz ta’ din it-tarbija, Alla se jwettaq il-pjan tas-salvazzjoni għal dawk li, bħal Marija u fuq l-eżempju tagħha, jafdaw b’għajnejhom magħluqa—forsi bla ma jifhmu—f’dak li jiġi muri bħala r-rieda ta’ Alla. 
Fl-Eżortazzjoni Appostolika Marialis Cultus, il-Papa San Pawlu VI jinsisti li aħna nuru devozzjoni vera lejn Marija meta nagħmluha mudell għalina bħala l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù. Marija hija l-ewwel waħda li tisma’ u tilqa’ l-Kelma ta’ Alla u xxandarha meta tmur tħaffef lejn l-għoljiet tal-Lhudija għand Eliżabetta. 

Talba

Sliem għalik, Marija, bil-grazzja mimlija, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù. Omm Alla, itlob għalina.