
Int se tnissel fi ħdanek u jkollok iben
Raba’ Ħadd tal-Avvent – Sena B
Kolletta
Sawwab f’ruħna, Mulej il-grazzja tiegħek, biex aħna li, bit-tħabbira tal-Anġlu, għarafna li Kristu Ibnek sar bniedem, bil-passjoni u l-mewt tiegħu naslu fis-sebħ tal-qawmien mill-imwiet. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
F’dan l-aħħar Ħadd tal-Avvent, il-Liturġija tal-Kelma tippreżentalna għar-riflessjoni tagħna l-mument tat-tnissil ta’ Ġesù fil-ġuf tal-Verġni Marija. Il-Liturġija għal diversi drabi matul is-sena tippreżentalna dil-ġrajja. U, meta aħna nisimgħu l-Kelma “tħabbira,” mill-ewwel immorru bil-ħsieb tagħna għal din it-tħabbira partikulari.
Il-ġrajjiet tat-tħabbira ta’ Ġesù u t-twelid tiegħu f’Betlehem ispiraw diversi artisti f’kull żmien. l-istess jista’ jingħad għal kitbiet spiritwali u teoloġiċi. Fit-talb tal-Insara, sa minn mijiet ta’ snin ilu, it-talba tal-Ave Maria (is-Sliema) u t-talba tal-Angelus huma l-aktar li jingħadu f’kull ħin mad-dinja kollha, anke permezz tar-Rużarju u talb devozzjonali ieħor.
F’dan ir-rakkont, Marija tidher quddiemna bħala Eva l-ġdida magħżula minn Alla sabiex permezz tal-“Iva” tagħha jseħħ fil-milja tiegħu l-pjan tas-salvazzjoni li kien inbeda bil-wegħda solenni ta’ Alla fir-rakkont tal-ħolqien u l-waqgħa: “U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha, u hu jagħmel għal rasek u int tagħmel għal għarqubu” (Ġen 3, 15). L-Evanġelista jippreżentalna lil Marija bħala mudell mill-aqwa kemm ta’ dixxiplu li semgħet il-Kelma ta’ Alla u wettqitha, u kif ukoll ta’ kif jeħtieġ li aħna nwieġbu għas-sejħat li jagħmlilna l-Mulej.
Imma, partikularmentfil-kuntest liturġiku ta’ dan il-Ħadd hekk qrib il-Milied, il-messaġġ ewlieni huwa ffukat fuq it-tnissil ta’ dak li se jissejjaħ “Bin l-Għoli” għax “il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru” u se jsaltan għal dejjem. Permezz ta’ din it-tarbija, Alla se jwettaq il-pjan tas-salvazzjoni għal dawk li, bħal Marija u fuq l-eżempju tagħha, jafdaw b’għajnejhom magħluqa—forsi bla ma jifhmu—f’dak li jiġi muri bħala r-rieda ta’ Alla.
Fl-Eżortazzjoni Appostolika Marialis Cultus, il-Papa San Pawlu VI jinsisti li aħna nuru devozzjoni vera lejn Marija meta nagħmluha mudell għalina bħala l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù. Marija hija l-ewwel waħda li tisma’ u tilqa’ l-Kelma ta’ Alla u xxandarha meta tmur tħaffef lejn l-għoljiet tal-Lhudija għand Eliżabetta.
Talba
Sliem għalik, Marija, bil-grazzja mimlija, imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù. Omm Alla, itlob għalina.



