Inti Pietru: jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet
Il-Wieħed u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A
Kolletta
O Alla, inti tgħaqqad il-fidili tiegħek flimkien, bil-fehmiet kollha tagħhom, u tiġborhom rieda waħda bejniethom; agħmel li l-poplu tiegħek ikun iħobb il-preċetti tiegħek u jixtieq il-ġid li inti twiegħdu, biex, fost il-ħafna taqlib ta’ din id-dinja, il-qlub tagħna jieqfu fis-sod fejn hemm tassew il-hena. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Ir-rakkont li għadna kemm smajna huwa wieħed minn dawk ir-rakkonti fl-Evanġelji fejn ġografija tilgħab parti importanti għat-tifsira ta’ dak li jseħħ u jingħad. Il-belt ta’ Ċesarija ta’ Filippu kienet mibnija mal-ġenb tal-Muntanja Ħermon. Iż-żona sal-lum għadha toffri xenarji naturali spettakolari ta’ iġbla, blat u siġar, b’għajn naturali ta’ ilma li hija waħda mis-sorsi ewlenin tax-xmara Ġordan li tfur fil-Baħar tal-Galilija u tibqa’ nieżla sal-Baħar il-Mejjet.
Kemm il-Kangħanin u kif ukoll il-Griegi warajhom bnew tempji sbieħ f’dan il-post, b’mod partikolari it-tempju quddiem l-għar il-kbir minn fejn tfur bil-qawwa din in-nixxiegħa ewlenija tal-Ġordan. Oriġinarjament dan it-tempju kien iddedikat lill-alla Pan, irrappreżentat bħala nofsu bniedem u nofsu bodbod, imma Filippu, iben Erodi l-Kbir, bena tempju f’ġieħ Ċesari li kien iqis lilu nnifsu bħala alla. Hu għalhekk li l-belt il-ġdida li nbniet ħadet l-isem ta’ Ċesarija ta’ Filippu. F’dan l-għar wara t-tempju hemm fondoq kbir, tant li kienu n-nies tal-qedem kienu jaħsbu li kien dagħbien bla qiegħ u allura wieħed mill-bibien li jagħti għal post l-imwiet jew l-infern—dak li bl-Ingliż jirreferu għalih bħala Hades, li ovvjament ġejja mill-Grieg u hija l-kelma li juża Ġesù.
Allura nistgħu iktar nifhmu kemm kien suġġestiv il-post u x’qawwa ta lill-kliem ta’ Ġesù meta, wara l-istqarrija li hu l-Messija, Bin Alla l-ħaj, lil Pietru jgħidlu: “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex,” meta anke tqis kemm dawn it-tempji u dan il-kult imperjali kien ta’ skandlu għal-Lhud u anke għall-Insara.
Għaldaqstant, barra l-mistoqsija dwar min hu Ġesù għalija—mhux x’jgħid ħaddieħor dwaru jew x’tgħallimt bl-amment, imma min hu personalment għalija, kif esperjenzajtu, kif iltqajt miegħu, kif il-kliem dwaru fl-Iskrittura huma esperjenza ħajja u mhux sempliċiment storja tal-passat—dan ir-rakkont tal-mistoqsija ta’ Ġesù u t-tweġiba ispirata ta’ Pietru jitfa’ dawl ieħor dwar l-esperjenza ta’ dak li fil-ħajja nesperjenzawh bħala infern, bħala mewt, bħala tbatija. Hemm fejn jinsab l-infern tiegħek—li jista’ jkun ta’ ħafna forom—hemmhekk il-Mulej jiġi jiltaqa’ miegħek ukoll u jitlob li tistqarr il-fidi tiegħek fih: mhux bħala dak li se jeħilsek mill-attakki tal-ħażin jew mit-tiġrib tal-ħajja għax iżommok f’bozza, imma tistqarr il-fidi fih bħala l-blata soda li fuqha se tibni ħajtek hekk li, għax hu jinsab miegħek u inti trid tiggranfa miegħu u miegħu biss, inti m’intix se tiġi megħlub.
L-infern se jaħbat għalik imma mhux se jegħlbek. Se titlef battalji—bla dubju, jista’ jonqos—imma mhux se titlef il-gwerra. U dan jgħodd għalina b’mod mill-iktar qawwi mhux biss bħala individwi imma iktar u iktar bħala Knisja li suppost aħna l-poplu l-ġdid ta’ Alla mibni fuq l-istqarrija ta’ fidi f’Ġesù bħala l-uniku salvatur u ħellies tagħna; Knisja li hi stess hija mhedda mill-ħażin u li xi kultant jidħol fiha wkoll u jnawwarha, proprju għax aħna nitnawru mill-ħażin u nħassru l-ġisem kollu ta’ Kristu, il-Knisja.
Talba
Mulej, ma nafx jekk nistax nagħmel l-istqarrija ta’ Pietru li inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj. Ibgħat fuqi l-Ispirtu Qaddis tiegħek ħalli tassew jgħarrafni l-imħabba li l-Missier urieni u jrid jurini permezz tiegħek. Wassalni għal stqarrija konvinta tal-fidi tiegħi fik mhux minkejja d-diffikultajiet li magħhom inħabbat wiċċi imma proprju nistqarrek bħala Alla u Salvatur quddiem l-infern tal-ħajja tiegħi sabiex inti tfawwar fija l-ilma tal-ħajja tiegħek u ssaħħaħ il-blata ta’ ħajti u l-blata tal-Knisja.