It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bil-għerf

Festa tal-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi

Kolletta

O Alla, int tajtna eżempju mill-isbaħ fil-Familja Mqaddsa; agħmel li nsiru nixbħuha fil-virtujiet tal-ħajja tad-dar u fir-rabta tagħha ta’ mħabba, ħa niġu nithennew għal dejjem fil-ferħ ta’ darek fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek.
Ġen 15, 1-6; 21, 1-3

Qari mill-Ktieb ta’ Ġenesi

F’dak iż-żmien, ġiet il-kelma tal-Mulej lil Abram f’dehra u qallu: “La tibżax, Abram! Jiena tarka għalik; ħlasek ikun kbir ħafna”. U Abram qallu: “Sidi Mulej, x’se tagħtini, għax se nibqa’ bla tfal, u l-werriet ta’ dari se jkun Eligħeżer ta’ Damasku”. U Abram żied jgħid: “Ara, int lili ma tajtnix nisel, u qaddej dari se jiritni”. U ara, waslitlu l-kelma tal-Mulej u qallu: “Ma jirtekx dan, imma wieħed ħiereġ mill-ġewwieni tiegħek, hu għad jirtek”.

U ħarġu barra u qallu: “Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek ħila tgħoddhom”. U żied jgħidlu: “Hekk għad ikun nislek”. U hu emmen fil-Mulej, u dan għaddhulu b’ġustizzja.

U l-Mulej żar lil Sara bħalma kien qalilha, u għamel magħha dak li kien wegħedha. U Sara tqalet u wildet iben lil Abraham fi xjuħitu, fiż-żmien li kien qallu Alla. U Abraham semma ’l ibnu li twelidlu, li kienet wilditlu Sara, Iżakk.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 104 (105), 1b-2.3-4.5-6.8-9

R/. (7a.8a): Jaħweh hu Alla tagħna! Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu

Faħħru l-Mulej u xandru ismu,
għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.
Għannulu u doqqulu,
xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha. R/.

Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;
tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej.
Ħabirku biex tagħrfu l-Mulej u l-qawwa tiegħu,
fittxu ’l wiċċu l-ħin kollu. R/.

Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,
fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu.
Nisel Abraham, il-qaddej tiegħu,
ulied Ġakobb, il-maħtur tiegħu. R/.

Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,
fil-kelma li ta għal elf nisel,
fil-patt li għamel ma’ Abraham,
fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.

Il-fidi ta’ Abraham, ta’ Sarah u ta’ Iżakk.
Lhud 11, 8.11-12.17-19

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer.

Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.

Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla kien qallu: “Minn Iżakk int għad ikollok nisel”. Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lhud 1, 1-2

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna
ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti.
Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu.
R/. Hallelujah

It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bil-għerf.
Lq 2, 22-40

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej, kif hemm miktub fil-Liġi tal-Mulej: “Kull tifel li jitwieled l-ewwel, jiġi kkonsagrat lill-Mulej” – u biex joffru b’sagrifiċċju par gamiem jew żewġ bċieċen, kif jingħad ukoll fil-Liġi tal-Mulej.

F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:
“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek
imur fis-sliem, skont kelmtek,
għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek
li int ħejjejt għall-popli kollha,
dawl biex idawwal il-ġnus,
u glorja tal-polpu tiegħek Iżrael”.

Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.

Kien hemm ukoll waħda profetissa, Anna, bint Fanwel, mit-tribù ta’ Aser. Kienet imdaħħla ħafna fiż-żmien; wara xbubitha kienet għamlet seba’ snin miżżewġa, u mbagħad romlot. Sa ma kellha erbgħa u tmenin sena ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb. Dak il-ħin stess waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm.

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

jew il-forma qasira

It-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bil-għerf.
Lq 2, 22.39-40

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Wara li għalqilhom iż-żmien għall-purifikazzjoni tagħhom skont il-Liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej.

Meta temmew kull ma kellhom jagħmlu skont il-Liġi tal-Mulej reġgħu lura lejn il-Galilija fil-belt tagħhom ta’ Nazaret. U t-tifel baqa’ jikber u jissaħħaħ, mimli bl-għerf. U l-grazzja ta’ Alla kienet fuqu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu


Riflessjoni

Il-Liturġija ta’ Żmien il-Milied turi l-vulnerabbiltà ta’ Alla tagħna li sar bniedem bħalna f’kollox. Hekk tidħol din il-festa speċjali tal-familja ta’ Ġesù: Ġużeppi u Marija u t-tarbija Ġesù. Familja umli li tobdi l-Liġi ta’ Mosè u tikkonsagra lit-tifel il-kbir bil-mezzi li kellha. Familja magħżula biex tieħu ħsieb u trabbi lil dat-tfajjel skont it-Torah, kif ried Alla.  

Imma fuq Ġesù tingħata profezija oħra li tikxef l-identità tiegħu, il-missjoni tiegħu. Kienet rivelazzjoni tal-Ispirtu s-Santu. Marija wkoll irċeviet profezija fuq ħajjitha. U Ġużeppi xhud ta’ dan kollu. Sieket. Jisma’. Jirrifletti. Jobdi.  

Ma tantx nisimgħu x’għamlu dawn il-ġenituri wara dawn il-ġrajjiet. Żgur li ħabbew fuq li ħabbew. Bħala bniedem Ġesù wiret mhux biss it-titlu ta’ Bin David imma ħafna atteġġjamenti sbieħ bħall-kompassjoni, bħall-bżulija, bħas-smigħ tal-Kelma, bħall-ubbidjenza għall-Kelma ta’ Alla, bħall-imħabba lejn Alla.  

L-ewwel u t-tieni qari jixħtu dawl ukoll billi jsemmu lil Abraham u lil Sarah. Ulied il-wegħdiet ta’ Alla, Ġużeppi u Marija ma rawx xi għeġubijiet kbar. Anzi, ma’ wiċċhom raw persekuzzjoni, eżilju volontarju, għajdut kattivi, u naturalment l-għawġ u l-ferħ li ġġarrab kull familja.  

Xmun jistqarr: “għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek.” Inti tagħraf f’Ġesù is-salvazzjoni tiegħek?   

Jekk Ġużeppi u Marija (u Ġesù) huma l-aqwa mudell ta’ familja kif iridha l-Mulej, kemm qed ixxebbah il-familja tiegħek u l-familji f’pajjiżna ma’ din il-familja ta’ Nazaret?   

Taħseb li hawn mezzi adegwati biex familji fi kriżi ta’ fidi jew kriżi ta’ mħabba jsibu għajnuna f’waqtha u xierqa?  

Talba

Missier, permezz tal-Ispirtu tiegħek, inti kxift il-pjan tiegħek għall-familja. Bierek il-familji tagħna, speċjalment dawk li qed jesperjenzaw sfidi diffiċli. Agħti d-dehen lill-mexxejja tagħna sabiex isaħħu l-familja. Ipproteġi lill-familja tagħna bit-talb ta’ Ġużeppi u Marija. Nitolbu dan f’isem Ġesù Ibnek.  

Grazzi, Mulej.