Jekk il-ħabba tal-qamħ, li taqa’ fl-art, tmut hi tagħmel ħafna frott

Il-Ħames Ħadd tar-Randan Sena B

Kolletta

Nitolbuk, Mulej Alla tagħna; agħtina l-għajnuna tiegħek biex, bil-ħeġġa kollha ta’ qlubna, ngħixu b’dik l-istess imħabba li wriena Ibnek meta kien mogħti għall-mewt għalina. Hu, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Nagħmel patt ġdid, u l-ħtijiet ma niftakarhomx iżjed.
Ġer 31:31-34

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Araw, għad jiġi żmien,
oraklu tal-Mulej,
meta jien nagħmel patt ġdid ma’ dar Iżrael u dar Ġuda;
mhux bħall-patt li għamilt ma’ missirijiethom
fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom
biex ħriġthom mill-art tal-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru,
għalkemm jien kont l-għarus tagħhom,
oraklu tal-Mulej.

Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma’ dar Iżrael
wara dawk il-jiem,
oraklu tal-Mulej.
Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom;
u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi.
Ma jgħallmux iżjed lil xulxin,
u ħadd ma jgħid lil ħuh: “Agħraf il-Mulej”,
għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir,
oraklu tal-Mulej.
Għax jien naħfrilhom ħżunithom,
u ħtijiethom ma niftakarhomx aktar.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 50(51):3-4,12-13,14-15

R/. (12a): Oħloq fija qalb safja, o Alla.

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek,
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,
u bi spirtu qalbieni wettaqni.
Lill-midinbin ngħallem triqatek,
u l-ħatjin lejk jerġgħu lura. R/.

Kristu sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem.
Lhud 5:7-9

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 12:26

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja;
u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Jekk il-ħabba tal-qamħ, li taqa’ fl-art, tmut hi tagħmel ħafna frott.
Ġw 12:20-33

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù”.

Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja, u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ. Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek”. Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jien diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah”.

In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu”. Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom. Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja”. Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.


Riflessjoni

Is-silta  tal-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd,  li hi  meħuda minn San Ġwann, ittarraġ is-sejħa  u l-għan tad-dixxipulat  veru  wara  Ġesù.

Fl-ewwel parti nsibu x-xewqa li xi Griegi kellhom li jaraw lil Ġesù. Il-Griegi, li ma kinux Lhud, kienu persuni ta’ twemmin u kultura oħra. Madankollu xtaqu jiltaqgħu ma’ Ġesù. Il-messaġġ ta’ Ġesù qatt ma kien esklussiv għal-Lhud biss, imma għall-umanità kollha.

Ġesù kien jaf li waslet is-siegħa tiegħu; kien jaf li  ser ikun igglorifikat. Però qabel se jkollu jmut, u permezz ta’ din il-mewt bosta se jkollhom il-ħajja, Griegi u mhumiex!  Il-bniedem tant hu prezzjuż quddiem Alla li hu tana kollox: tana lil Ibnu għalina  sabiex ikollna l-ħajja ta’ dejjem u din il-ħajja ta’ dejjem hi miftuħa għal kulħadd bla ebda distinzjoni.

Ġesù jkompli jgħidilna li sabiex naqdu lilu l-ewwel irridu nimxu warajh, immewtu l-egoiżmu tagħna u l-bosta  affarijiet li  jxekkluna milli ngħixu ħajjitna kif jixtieqna Hu. Dan ix-xkiel  itellifna milli nkunu sinjal awtentiku ta’ fidi li twarrad ix-xhieda għall-poplu ta’ rieda tajba. |

Għalhekk, hija ċara li jeħtieġ li l-ewwel inkunu dixxipli biex imbagħad insiru  appostli—inkunu l-mibgħuta tiegħu u f’ismu. In-Nisrani hu msejjaħ sabiex l-ewwel nett jimxi wara Ġesù, isir jaf lilu u mhux dwaru biss, imbagħad bil-grazzja ta’ Alla fih u b’fiduċja sħiħa f’Alla jwieġeb għas-sejħa li jkun appostlu tiegħu fil-ħajja ta’ kuljum  anke permezz ta’ azzjonijiet żgħar u ordinarji. Jekk l-ewwel ma nkunux dixxipli, il-pastorali tagħna tkun biss filantropija jew żvog personali ta’ azzjonijiet tajba.

Permezz tal-fiduċja sħiħa f’Alla nkunu  qed nigglorifikawh. Il-kliem ta’ tifħir lil Alla hu sabiħ, ix-xhieda hija sabiħa, imma l-fiduċja sħiħa fih hija xi ħaġa ħierġa mill-ġewwieni tal-bniedem, hija  frott il-fidi tal-bniedem f’Alla. Għalhekk huwa neċessarju li d-dixxiplu ta’ Ġesù isostni din il-fiduċja b’fidi msejsa fuq xewqa perenni  li jkompli jiltaqa’ ma’ Ġesù. B’hekk ikun lest li jingħata lilu u lill-umanità,  akkost tal-offerta tiegħu ta’ kuljum,  sabiex l-imħabba ta’ Ġesù tkompli tagħti l-ħajja lil bosta li għadhom ma jafuhx.

X’qed tagħmel sabiex  tafdah b’dak kollu li int ħalli tkun dixxiplu veru tiegħu?

Talba

Mulej Ġesù, saħħaħ il-fidi tiegħi sabiex nafdak aktar, għaliex b’hekk biss nista’ ningħata lilek għal qadi tal-umanità.