Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu

Tnejn u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla tal-eżerċti, kulma hu l-aħjar ġej kollu minnek: nissel fi qlubna l-imħabba lejn ismek, u agħtina li, bit-taħriġ reliġjuż tagħna, tmexxi ’l quddiem dak li hu tajjeb fina u tħarishulna, bit-tħabrik tagħna bla heda. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Il-Kelma tal-Mulej saret għalija tagħjir u tmaqdir kuljum.
Ġer 20, 7-9

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Qarraqtni Mulej, u jien tqarraqt:
kont aqwa minni, u għelibtni.
Jien sirt id-daħka ta’ kuljum,
kulħadd jiddieħak bija.
Kull meta niġi nitkellem, jien ngħajjat,
u nxandar, “Moħqrija u ħsara!”.
Il-kelma tal-Mulej saret għalija
tagħjir u tmaqdir kuljum.
U jien għedt: “Ma nsemmihx aktar,
ma nitkellimx aktar f’ismu”.
Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad,
magħluq f’għadmi.
Għejejt inżommu magħluq ġo fija,
ma niflaħx aktar għalih.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 62 (63), 2.3-4.5-6.8-9

R/. (2b): Għalik imxennaq jiena, Mulej, Alla tiegħi

Alla, Alla tiegħi int; lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik,
għalik imxennaq jiena,
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma. R/.

Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek,
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja,
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek. R/.

Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha;
ngħolli idejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela,
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa. R/.

Għax int kont għajnuna għalija,
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi,
int tweżinni bil-leminija tiegħek. R/.

Offru ġisimkom bħala vittma safja.
Rum 12, 1-2

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Nitlobkom ħuti, għall-ħniena ta’ Alla, offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħkom. Timxux max-xejra ta’ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta’ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu ttajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Efes 1, 17-18

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu,
jagħtikom spirtu ta’ għerf,
biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.
R/. Hallelujah

Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu.
Mt 16, 21-27

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.

Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.

Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Ma nafx jekk qatt ippruvajtx iżżomm ponn ramel? Ħafna drabi aktar ma tipprova tagħlaq is-swaba u tagħmel ponn madwaru aktar jiżloq u tispiċċa b’xejn f’idek. Jekk trid iżżomm ir-ramel f’idek trid iżżomm idek miftuħa bħal donnu qed tittallab xi ħaġa. Hekk biss joqgħod sew ir-ramel. Meta Kristu, fl-Evanġelju tal-lum, jgħid, “min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha,” niftakar f’din l-esperjenza ta’ ponn ramel. Ir-ramel jista’ jkun simbolu  tas-salvazzjoni, jew forsi f’termini li ngħixuhom aktar fil-qrib, ir-ramel huwa l-veru paċi tal-qalb li tiġi meta taf li qed tagħmel ir-rieda ta’ Alla, kif naqraw fit-Tieni Qari. U Kristu llum jagħtina żewġ tagħlimiet importanti fuq kif niksbu dan.   

L-ewwel tagħlima hija li jekk irridu nimxu warajh u niksbu l-kuntentizza ma rridux ngħixu għalina biss. Id-dinja tagħmina bil-wegħdiet li, jekk jkollok aktar flus, jekk tkun popolari, u jekk ikollok il-poter, se tkun kuntent. Imma Kristu qed jgħid xi ħaġa differenti. Biex tikseb is-salvazzjoni, ħajjitna trid tkun dejjem b’idejna miftuħa: miftuħa li tilqa’ lill-oħrajn, miftuħa li tgħin lill-oħrajn, miftuħa wkoll bħal ta’ tallab li jaf li dak kollu li għandu jiġi minn Alla. Kemm nafu nies li ma ggranfawx ma ħajjithom għalihom stess imma taw ħajjithom għall-oħrajn. U għalhekk nemmnu li mhux biss kisbu l-glorja tal-ġenna imma f’din l-art stess għexu il-paċi tal-qalb. M’hemmx għalfejn naħsbu f’qaddisin kbar: nistgħu niftakru f’ħafna nies li jħobbuna fil-ħajja tagħna b’tant sagrifiċċji.  

U hawn niġu għat-tieni tagħlima ta’ Kristu llum li jgħidha ċar: meta tagħti ħajtek għall-oħrajn ipprepara ruħek li se tbati. Dan l-Evanġelju u l-Ewwel Qari, it-tnejn jitkellmu fuq is-sofferenza, il-persekuzzjoni, u saħansitra l-mewt.  Għalina, li aħna rrappreżentati minn Pietru f’dan l-Evanġelju, diffiċli nisimgħuha u ngħixuha. Nippreferu l-glorja u t-tifħir u l-pożizzjonijiet għolja, kif kellu Pietru fl-Evanġelju tal-Ħadd li għadda. U bir-raġun nibżgħu u nirreżistu! Imma Kristu qed jgħidilna li din biss hija t-triq tal-veru salvazzjoni u kuntentizza. Hu jagħmlilna l-kuraġġ għax hu mexiha kollha qabilna, u għalhekk issa jgħidilna biex nimxu warajh. Hu jkun magħna fil-mumenti kollha diffiċli għax hu għexhom u jaf x’jiġifieri.  

Talba

O Mulej, illum nixtiequ niftħu jdejna għar-rieda tiegħek, niftħu jdejna għall-oħrajn. Għinna biex fid-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom nibqgħu dejjem inħobbu għax dik l-imħabba ‘bħal nar jaqbad’ ma tista’ qatt tibqa’ magħluqa fina.