Jien ta’ qalb ħelwa u umli
Erbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
O Alla, inti rġajt waqqaft id-dinja mġarrfa billi Ibnek ċekken lilu nnifsu: imla lill-fidili tiegħek b’ferħ qaddis, u agħti hena bla tmiem lil dawk li inti ħlist mill-jasar tad-dnub. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
Wara li għal tliet Ħdud smajna d-diskors ta’ Ġesù dwar id-dixxipli u l-missjoni tagħhom, ir-rakkont kontinwu tal-Evanġelju skont San Mattew jaqbeż parti sewwa minn kapitlu 11 fejn Ġwanni l-Battista jibgħat għand Ġesù tnejn mid-dixxipli tiegħu biex jistaqsih jekk huwiex dak li kellu jiġi, u Ġesù jwieġeb permezz ta’ għemejjel li Ġwanni kien żgur se jifhimhom bħala sinjal li ġie inawgurat iż-żmien tal-fidwa, u, wara li jitkellem dwar Ġwanni, Ġesù jattakka lil dawk il-bliet li ma laqgħux din l-istess aħbar tajba ta’ salvazzjoni. Minflok, il-liturġija tal-Kelma f’dal-Ħadd teħodna immedjatament lejn l-aħħar biċċa ta’ kapitlu 11.
Dan it-talba/diskors qasir ta’ Ġesù nistgħu naqsmuh f’żewġ partijiet ewlenin. L-ewwel biċċa hija apostrofi ta’ tifħir lill-Missier għall-mod li għażel biex jgħarraf il-wasla ta’ din il-fidwa, mod li jfixkel lil dawk li kienu wisq ċerti minnhom infushom sabiex jagħrfu mill-ġdid li jafu l-eżistenza tagħhom mhux lill-ħila tagħhom imma lil Alla, u fl-istess waqt isaħħaħ liċ-ċkejknin li n-nuqqas ta’ pretensjoni u suppervja tpoġġihom f’qagħda tajba quddiem Alla sabiex jilqgħu dak li jrid jgħidilhom u jgħarrafhom permezz ta’ Ġesù. Huma ċ-ċkejknin li lesti jilqgħu Alla li jiġi jiltaqa’ magħna biex narawh permezz ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Huma ċ-ċkejknin li jistgħu jaċċettaw Alla li jiċċekken. Għall-kuntrarju, dawk li jħossuhom għorrief u dehnin, l-għerf tagħhom jagħmilhielhom iktar diffiċli biex jilqgħu l-għerf ta’ Alla li bil-loġika tagħna ma jinftehimx. Isibuha diffiċli li jilqgħu Alla li jixxejjen għax jheżżeż u jriegħed il-pedestalli li fuqhom jitilgħu għax iħossuhom superjuri għall-oħrajn—tentazzjoni li aħna wkoll nistgħu naqgħu fiha meta nitqabblu ma’ persuni li f’għajnejna jidhru ’l bogħod, filwaqt li aħna wisq ċerti mit-tjubija morali tagħna quddiem Alla, ukoll jekk qalbna mhijiex tassew għal kollox tiegħu.
It-tieni parti hija proprju indirizzata lil dawn iċ-ċkejknin, lil dawk li jinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jaċċettaw li huma fil-ħtieġa ta’ Alla. Dan il-mistrieħ żgur li Ġesù joffrih ukoll lil dawk li jitfixxklu quddiem il-mod kif Alla jaħdem, kemm-il darba jagħżlu li huma wkoll jilqgħu l-istedina ta’ Ġesù, “Ejjew għandi.”
Però l-mistrieħ li jwiegħed Ġesù mhuwiex xi skema ta’ rtirar kmieni jew xi vaganza. Fil-fatt, xorta rridu nerfgħu l-madmad. Imma hu madmad ħelu u piż ħafif proprju għax il-qalb tal-bniedem kontinwament tfittex dak li jista’ jimlieha u, meta tagħżel lil Ġesù, tkun qed tagħżel li timtela b’dak li hu għal kollox ikbar minnha, u mhux sempliċiment daqsha—meta naħsbu li fil-persuna l-oħra se nsibu s-soluzzjoni għax-xejn u l-vojt tagħna li jtaqqalna u jfixkilna—jew saħansitra ferm iżgħar minnha—oġġetti, flus, semmi li trid. Il-mistrieħ tal-qalb li qed joffrilna Ġesù huwa dik iċ-ċertezza u kalma fih li twaqqaf lil qalbna milli tkompli tiġġerra ’l hemm u ’l hawn biex tfittex dak li se jimlieha għal kollox għaliex tagħraf li hu biss f’Ġesù li tista’ ssib il-milja tagħha; minnu biss tista’ tieħu l-ħajja u s-salvazzjoni tassew.
Talba
Mulej, hekk kif is-sħana tas-sajf iġġib magħha ħafna telqa’ u huwa wkoll żmien li fih infittxu ftit iktar mumenti ta’ mistrieħ li jaħjuna u jerġgħu jġibuna f’postna mill-ġdid, ħa jidwi f’qalbna il-kliem kollu ħlewwa, “Ejjew għandi,” sabiex tassew inkunu nistgħu nsibu dak il-mistrieħ li minn magni jerġa’ jagħmilna umani; li minn skjavi jerġa’ jagħmilna aħwa u wlied maħbuba u mifdija; li minn bhejjem tat-tagħbija, maħqura bix-xogħol jew bil-piż tal-ħajja, jerġa’ jagħmel lil ruħna ħafifa biżżejjed biex ma titfixkilx fil-mumenti diffiċli imma tkun tista’ togħla ’l fuq lejn Dak li ma ħalaqhiex għaċ-ċokon imma għall-kobor, għall-qdusija. Ammen.