Kristu d-Dawl tad-Dinja

It-Tielet Ħadd Matul is-Sena A

Kolletta

O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, mexxi l-għemil tagħna skont ir-rieda tiegħek, biex, f’isem Ibnek l-għażiż, inkattru l-għemejjel tajba tagħna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ammen.

Fil-Galilja tal-ġnus, il-poplu ra dawl kbir.
Iż 9, 1-4

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

1Il-poplu li kien miexi fid-dlam
ra dawl kbir;
in-nies li joqogħdu f’art id-dlam
dawl idda fuqhom.
2Int kattart il-ġens,
kabbart l-hena;
huma ferħu quddiemek,
bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad,
bħalma jifirħu fi qsim il-priża.
3Għax il-madmad li kien itaqqlu,
u l-ħatar ta’ fuq spallejh,
u l-bastun tal-argużin,
int kissirthom bħal f’jum Midjan.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 26

R/. Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi,
minn min għandi nibża’?
Il-Mulej hu l-kenn tiegħi,
quddiem min għandi nitwerwer? R/.

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej, lilha nfittex:
li ngħammar f’dar il-Mulej
il-jiem kollha ta’ ħajti,
biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej
unkabbar fit-tempju tiegħu. R/.

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej
f’art il-ħajjin.
Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek,
ittama fil-Mulej. R/.

Aqblu lkoll bejnietkom, biex ma jkunx hemm firdiet fostkom
1 Kor 1, 10-13,17

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

10Nitlobkom, l-aħwa, f’isem Sidna Ġesù Kristu, biex tkunu taqblu fi kliemkom u ma jkunx hemm firdiet fostkom. Kunu magħqudin kif imiss, ħsieb wieħed u fehma waħda.11L-aħwa, in-nies ta’ Kloji qaluli fuqkom li fostkom hemm it-tilwim: 12irrid ngħid jien, li kull wieħed minnkom qiegħed jgħid, “Jiena ta’ Pawlu,” “U jiena ta’ Apollo,” “U jiena ta’ Kefa,” “U jiena ta’ Kristu.”13Jaqaw Kristu mifrud? Forsi Pawlu kien li ssallab għalikom jew f’isem Pawlu tgħammidtu? 14Niżżi ħajr lil Alla li ma għammidt lil ħadd, ħlief lil Krispu u lil Gaju,15sabiex ħadd ma jgħid li tgħammidtu f’ismi. 16Għammidt ukoll lill-familja ta’ Stefanas; mill-bqija ma nafx li għammidt lil ħaddieħor.17Kristu ma bagħatnix biex ngħammed iżda biex inxandar l-Evanġelju, mhux bi kliem l-għerf sabiex ma jiġix fix-xejn is-salib ta’ Kristu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 4,23

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ġesù xandar il-Bxara t-Tajba tas-Saltna,
u fejjaq kull xorta ta’ mard fil-poplu.
R. Hallelujah.

Ġie f’Kafaranhum, biex iseħħ dak li kien intqal mill-profeta Isaija.
Mt 4, 12-23

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

12Meta Ġesù sama’ li kienu arrestaw lil Ġwanni, warrab lejn il-Galilija. 13Telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi ta’ Żebulun u Naftali, 14biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,

15‘Art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali,
it-triq tal-baħar, art ’il hemm
mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus!
16Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam
ra dawl kbir;
dawk li kienu f’art u dell il-mewt
idda dawl għalihom.’
17Minn dak iż-żmien Ġesù beda jxandar u jgħid: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.”

18Huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa, Xmun jgħidulu Pietru, u ħuh Indrì, qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. 19U qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin.” 20U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

21Wara li mexa minn hemm ra żewġt aħwa oħra, Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni, qegħdin fid-dgħajsa ma’ missierhom Żebedew isewwu x-xbiek tagħhom, u sejħilhom. 22Minnufih telqu d-dgħajsa u lil missierhom, u marru warajh. 23U dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

“Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet” (Mt 3, 2). Din is-sejħa għadha tidwi f’widnejna minn żmien l-Avvent: is-sejħa li għamlilna Ġwanni l-Battista, il-mibgħut minn Alla biex iħejji l-qlub għatxana għall-Messija. Issa kien wasal iż-żmien biex Ġesù nnifsu jibda l-ministeru pubbliku tiegħu. Ġesù jitlaq minn Nazaret fejn kien trabba u jmur f’art “’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus” (v. 15), art imsejħa tad-dlam billi fiha kienu daħlu bosta pagani. Hekk kien qal il-profeta Isaija, “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir” (Is 9, 1). Ġesù, id-dawl li ġie biex idawwal il-ġnus, jibda l-ministeru tiegħu bl-istess sejħa ta’ Ġwanni, “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet” (v. 17).

Ġesù dejjem jieħu l-ewwel pass biex isibna fejn aħna, fid-dlamijiet tal-ħajja tagħna, fid-dnub tagħna, fin-nuqqas ta’ ħila, fil-qtigħ ta’ qalb: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet” (v.17). Jiena hawn magħkom jgħidilna l-Mulej, iżda jeħtieġ li tindmu, li ddawru r-rotta, li tbiddlu l-mod ta’ kif taħsbu u kif iġġibu ruħkom. Illum il-Mulej Ġesù qed jgħid lilna wkoll: “Indmu” u ħalluni nsaltan fi qlubkom. X’se tkun it-tweġiba tagħna?

Fil-Galilija, Ġesù mhux biss ħabbar li s-Saltna tas-Smewwiet waslet u sejjaħ għall-indiema, iżda beda jsejjaħ dixxipli għal warajh sabiex jagħmilhom “sajjieda tal-bnedmin” biex jgħinuh fil-missjoni tiegħu. Għas-sejħa tal-Mulej Ġesù, Pietru u ħuh Indrì telqu x-xbiek minnufih u marru warajh. Imbagħad sejjaħ lil Ġakbu ta’ Żebedew u ħuh Ġwanni li huma wkoll telqu d-dgħajsa ta’ missierhom minnufih u marru warajh. Lil dawn l-erba’ sajjieda, Ġesù sejħilhom għal warajh waqt li kienu għaddejjin bil-ġurnata tax-xogħol tagħhom.

Hekk għandu ħabta jkellimna l-Mulej: waqt li nkunu għaddejjin bit-taħbit tal-ħajja ta’ kuljum. Imma jeħtieġ li nkunu attenti għas-sejħiet li jagħmlilna. Nistgħu nsibu ruħna aljenati b’elf ħaġa li jkollna fuq l-aġenda tal-jum u lanqas biss nintebħu li l-Mulej għadda u sejħilna. Xi drabi oħra, nisimgħu s-sejħa imma ninqabdu fix-xbiek li jxekkilna milli nagħmlu l-ewwel pass. Illum il-Mulej Ġesù qed isejħilna biex inkunu Nsara tassew. Nitolbuh jagħtina l-grazzja li nagħrfu minn liema rbit jeħtieġ ninħelsu biex immorru warajh b’qalb kuraġġuża u ġeneruża bħalma għamlu l-ewwel dixxipli u dawk kollha li matul is-snin għaddewlna l-fidi.

Talba

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Lill-midinbin ngħallem triqatek,

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura.

(Salm 51, 12-15)