Ġejt inġib l-firda

Il-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla, int ħejjejt ġid li ma jidhirx għal dawk li jħobbuk: xerred fi qlubna l-ħlewwa ta’ mħabbtek, biex inħobbuk f’kollox u fuq kollox, u hekk niksbu l-ġid li wegħedtna, li hu aqwa milli nistgħu nixtiequ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Wilditni bniedem ġellied, li għandu xi jgħid mal-pajjiż kollu. (Ġer 15:10)
Ġer 38:4-6,8-10

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

F’dak iż-żmien, il-prinċpijiet marru jgħidu lis-sultan: “Ħalli jiġi maqtul Ġeremija, għax b’dan il-kliem li qiegħed jgħidilhom qiegħed jaqta’ qalb is-suldati li fadal f’din il-belt u qalb il-poplu kollu. Tassew, bniedem bħal dan mhuwiex ifittex il-ġid ta’ dan il-poplu, imma l-qerda tiegħu”. U s-sultan Sedekija qalilhom: “Araw, f’idejkom, hu! Għax is-sultan ma jista’ jagħmel xejn magħkom”.

U ħadu lil Ġeremija u xeħtuh fil-bir ta’ Malakija, bin is-sultan, li kien fil-bitħa tal-għassa; imbagħad lil Ġeremija niżżluh bil-ħbula f’dan il-bir; ilma ma kienx fih, imma ħama biss; u Ġeremija għodos fil-ħama.

Għebed-melek ħareġ mill-palazz tas-sultan, mar ikellmu u qallu: “Sidi s-sultan, dawn in-nies ġiebu ruħhom ħażin f’kulma għamlu lil Ġeremija, il-profeta, li xeħtuh fil-bir, u dalwaqt imut bil-ġuħ, għax ma baqax ħobż fil-belt”.

Is-sultan imbagħad ordna lil Għebed-melek, il-Kusi, u qallu: “Ħu miegħek tlitt irġiel minn dawn u mur tella’ lil Ġeremija, il-profeta, mill-bir, qabel ma jmut”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 39(40):2,3,4,18

R/.(14b): Mulej, fittex għinni.

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;
hu niżel ħdejja
u sama’ l-għajta tiegħi. R/.

Minn bir waħxi tellagħni,
minn qalb il-ħama u t-tajn;
fuq il-blat qegħedli riġlejja,
u saħħaħli l-mixi tiegħi. R/.

Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,
għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.
Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża’ tiegħu,
u jittamaw fil-Mulej. R/.

Jien, fqajjar u msejken,
għandi ’l Sidi jaħseb fija.
Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi;
iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi! R/.

B’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.
Lhud 12:1-4

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Ħuti, ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.

Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.

Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom. Sa issa fil-ġlieda tagħkom kontra d-dnub, għad ma żammejtux hekk iebes li wasaltu biex xerridtu demmkom.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 10:27

Hallelujah. R/. Hallelujah.
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah.

Ġejt inġib mhux il-paċi fid-dinja, imma l-firda.
Lq 12:49-53

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum ’il quddiem ħamsa min-nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fi triqtu lejn Ġerusalemm insibu lil Ġesù jgħallem, iwissi, jikkundanna, ifejjaq…. Is-silta tal-lum hija proprju waħda minn dawn il-ġrajjiet fejn, hu u miexi, Ġesù ilissen tliet kummenti/stqarrijiet fuq l-istess ministeru tiegħu.

U xi stramberija ta’ stqarrijiet! X’ironija ta’ kummenti!

L-istess Ġesù li tant ipprietka l-paċi u l-għaqda llum jaħsadna b’dak li jgħid. Mhux soltu tiegħu! Il-messaġġ li jwasslilna llum jistona għal widnejna.  

L-ewwel stqarrija fuq fomm Ġesù nsibuha biss fl-Evanġelju ta’ San Luqa: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad!”

X’inhu dan in-nar li tant jitkellem b’ħeġġa fuqu Ġesù? In-nar huwa l-iskop tal-ministeru tiegħu. Ġesù juża diskors figurattiv sabiex iwassal l-għan tiegħu fuq din l-art.

In-nar iħeġġeġ. Quddiem in-nar ma tistax tibqa’ passiv. Quddiem in-nar trid tagħmel xi ħaġa … trid tieħu deċiżjoni.

Dan hu n-nar li qed jitkellem fuqu Ġesù. Huwa n-nar li ma tibqax b’idejk marbutin imma xxammar il-kmiem u tmidd għonqok għax-xogħol. Huwa n-nar li ma jħallix lil qalbna bi kwietha. Huwa dak in-nar li tant jispjegah sabiħ il-profeta Ġeremija: “…f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għajejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx akar għalih” (Ġer 20, 9). 

It-tieni stqarrija li jagħmel Ġesù titkellem fuq il-magħmudija tiegħu. Ġesù mhux qed jirreferi għall-magħmudija tal-ilma li tgħammed biha fil-Ġordan imma qed jirreferi għall-magħmudija li ħabbar fuqu Ġwanni l-Battista: “ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar” (Lq 3, 16).

X’inhi din il-magħmudija li Ġesù tant għandu dieqa sa ma sseħħ?  Hija l-magħmudija tal-mewt tiegħu fuq is-salib. Huwa l-prezz għoli li minn jeddu offra li jħallas biex aħna nkunu salvi. Hija l-imħabba li tagħti lilha nnifisha.

It-tielet stqarrija ta’ Ġesù titkellem fuq il-konsegwenzi ta’ dan in-nar u din il-magħmudija.

X’inhuma dawn il-konsegwenzi? Oppożizzjoni, indifferenza, ostilità, firda, konflitti … saħansitra mill-istess familjari tagħna, dawk l-aktar qrib tagħna, dawk l-aktar ta’ ġewwa.

Dan hu l-prezz li jrid iħallas id-dixxiplu. Dan hu l-prezz li rrid inħallas jien jekk irrid nimxi wara l-Imgħallem. M’għandix skużi. Ma’ Alla m’hemmx kompromessi. Kellimna ċar u tond: “Tassew ngħidilkom , li fost dawk kollha li minħabba fija u fl-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom … ma jirċevix għall-mitt darba iktar djar, aħwa … flimkien ma’ persekuzzjonijiet …” (Mk 10, 29-30)

Talba

Mulej, jolqotni kemm kont determinat fl-għażliet tiegħek. Kemm kont ta’ rieda soda. Ma bżajtx tħabbat wiċċek mal-kuntrarju. Saħansitra ma bżajtx miċ-ċaħda ta’ niesek stess. Dejjem żammejt sod mal-valuri ta’ Missierek. Obdejt, anzi obbdejt sal-mewt tas-salib.

Tħallinix inkun imgerrex.

Tħallinix inkun beżżiegħ.

Tħallinix nibża’ u naħrab.

Għini niftakar li, Inti li għażiltni, m’intix se tħallini waħdi. Għax tassew, imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi. Hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm il-għaxqa għal dejjem f’lemintek.

Ammen.