L-Ispirtu ħadu fid-deżert
L-Ewwel Ħadd tar-Randan
Tista’ ssegwi l-qari kollu bil–Lingwa tas-Sinjali Maltija.
Kolletta
O Alla li tista kollox, bit-taħriġ ta’ kull sena matul ir-Randan imqaddes agħtina li nifhmu dejjem iżjed il-misteru ta’ Kristu, u li b’ħajja xierqa niksbu l-frott tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Riflessjoni għall-Ewwel Ħadd tar-Randan
Il-bidu ta’ żmien ir-Randan dejjem idaħħalna f’post partikulari ħafna: id-deżert. Huwa post li jirrappreżenta l-estremi tas-sħana u l-ksieħ, li jagħmluha tant diffiċli biex il-bniedem jgħix. Huwa l-post li fih wieħed jista’ jisma’ l-eku tiegħu stess. U fl-Iskrittura Mqaddsa d-deżert huwa l-post fejn il-bniedem jidħol fih innfsu, jiltaqa’ miegħu nnifsu, jagħraf u jimmatura fl-identità tiegħu, u jagħraf u jiltaqa’ wkoll mal-vuċi ta’ Alla li ssejjaħlu, tittrasformah u tibagħtu għall-missjoni partikulari u speċjali. Dan ġara lil Abraham, lil Mose, lil Elija, u anki lill-poplu Lhudi wara l-ħruġ mill-Eġittu u l-qsim ta’ Baħar il-Qasab. Fil-Bibbja kolla d-deżert huwa l-post li fih il-bnedmin jgħaddu minn kriżijiet kbar, imma dawn isiru għalihom passaġġi li jwasslu għal sejħa, missjoni, identità u ħajja ġdida.
Jekk ma tidħolx fid-deżert għax twieġeb għas-sejħa tal-Mulej, il-ħajja ddaħħlek xorta għax il-kriżijiet u l-mumenti iebsin, li jikkawżaw uġigħ fuq kull livell, huma parti integrali mill-kundizzjoni umana. Id-differenza bejn li tħalli l-ħajja ddaħħlek fid-deżert u li tidħol minn jeddek għax twieġeb għas-sejħa ta’ Alla hija li l-ewwel waħda taqtagħlek nifsek u kapaċi tiddisprak, filwaqt li l-oħra tibnik u tagħtik dawl ġdid fuqek innifsek, iġġibek aktar qrib tal-identità tiegħek, u tqawwik biex teħodha kontra l-ispirti ħżiena ta’ ġo fik, li jitnisslu jew mix-xitan jew min-natura umana dgħajfa tagħna.
Dan il-vjaġġ intern fid-deżert ta’ ħajjitna jġibna wiċċ imb wiċċ mal-ikbar monstri ta’ ġo fina, kif għamel f’Ġesù. Dawn il-monstri tal-għatx għall-poter u l-fama, għall-gratifikazzjoni sħiħa u instantanja u l-akkumulazzjoni tal-ġid mundan. Dawn huma tentazzjonijiet li, meta wieħed jaqa’ għalihom, ikun qiegħed jiċħad l-identità tiegħu ta’ bin Alla li kull nisrani libes fil-Magħmudija. Fil-fatt, wara kull tentazzjoni ta’ Ġesù fid-deżert hemm l-isforz ta’ Satana biex iġiegħlu jiċħad li hu l-Iben ta’ Alla. U ma’ din iċ-ċaħda, wieħed ikun qiegħed jippreferi jiddependi fuqu nnifsu u l-isforzi tiegħu milli fuq Alla u l-providenza tiegħu bla tarf. Għalhekk Ġesù jitlob u jsum fid-deżert, biex juri li d-dipendenza tiegħu biss fuq Missieru tista’ tissodisfalu l-ġuħ profond ta’ ġo fih, u tħallih jirrelata ma’ kull persuna oħra mingħajr l-ebda interess personali mqanqal mill-għatx għall-poter, fama u pjaċir fieragħ.
Illum tajjeb li nieqfu ftit, u forsi nterrqu ftit fid-deżert interjuri filwaq li nistaqsu: Aħna liema spirti hemm fina li l-aktar ikidduna u jippruvaw inessuna min aħna, u x’inhi l-vokazzjoni proprja tagħna? U l-kilba għall-poter u t-tfittxija għas-sodisfazzjon tal-gratifikazzjoni instantanja, kemm huma qawwija fina, u kemm jegħlbuna f’ċirkustanzi differenti? Kemm niddependu fuqna nfusna iktar milli fuq il-Mulej fl-isfidi tal-ħajja ta’ kuljum? U kemm infittxu li noħolqu spazji fina u madwarna biex niddjalogaw mal-Mulej (mumenti ta’ talb), nitkarrbu miegħu għall-qawwa tal-Ispirtu Qadsis, u nitolbuh jagħtina l-għerf u l-qawwa fid-deċiżjonijiet l-aktar importanti? Kemm infittxu li nagħrfu l-verità ta’ ġo fina fid-dawl ta’ Alla, anki jekk skomda u ġġib ftit uġigħ?
Talba:
Missier Qaddis, sawwab fuqna l-Ispirtu Qaddis tiegħek biex nagħmlu l-vjaġġ interjuri li jlaqqagħna magħna nfusna u mad-dgħufijiet tagħna, u jkollna l-kuraġġ naħdmu fuqna nfusna biex nissaffew mill-ġibdiet għall-poter, fama u ġid mundan, u nagħmlu u ngħixu fuq prijoritajiet li jirriflettu r-rieda tiegħek għalina. Ammen.