Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art

Is-Seba’ Ħadd tal-Għid
Solennità tat-Tlugħ il-Mulej fis-Sema

Kolletta

O Alla li tista’ kollox, agħmel li b’ferħ qaddis irroddulek ħajr, għax Kristu Ibnek, bit-tlugħ tiegħu fis-sema, imexxina bla heda ’l quddiem fit-triq tagħna lejk, u jimliena bit-tama li aħna, il-ġisem tiegħu, għad naslu wkoll għal dik il-glorja li fiha daħal hu, ir-Ras tagħna, Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Kien meħud ’il fuq waqt li huma kienu jħarsu lejh.
Atti 1, 1-11

Bidu tal-Ktieb tal-Atti tal-Appostli
Fl-ewwel rakkont tiegħi, Teofilu, tkellimt fuq dak kollu li Ġesù kien għamel u għallem minn mindu beda sal-jum li fih kien meħud fis-sema, wara li, permezz tal-Ispirtu s-Santu, ta l-ordnijiet tiegħu lill-appostli li hu kien għażel.

Wara l-passjoni tiegħu dehrilhom u tahom ħafna provi li hu ħaj; f’erbgħin jum rawh kemm-il darba u kellimhom fuq il-ħwejjeġ tas-Saltna ta’ Alla. Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha – qalilhom – smajtu x’kont għedtilkom: Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom, fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu”.

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?”. Hu weġibhom: “M’hijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art”.

Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġt irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 46 (47), 2-3.6-7.8-9

R/. (6): Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ
Jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Popli kollha, ċapċpu idejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej, l-Għoli, hu tal-biża’,
sultan kbir fuq l-art kollha. R/.

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,
il-Mulej bid-daqq tat-trombi.
Għannu lil Alla, għannu,
għannu lis-sultan tagħna, għannu. R/.

Għax Alla s-sultan tal-art kollha:
għannulu bis-sengħa għanja sabiħa.
Isaltan Alla fuq il-ġnus kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron imqaddes tiegħu. R/.

Alla qiegħed lil Sidna Ġesù fil-lemin tiegħu fis-smewwiet.
Ef 1, 17-23

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin
Ħuti, Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja, jagħtikom spirtu ta’ għerf u rivelazzjoni biex tagħrfuh sewwa. Hu jdawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom; x’inhu l-għana tal-glorja tal-wirt li takom taqsmu mal-qaddisin.

Tagħrfu x’inhu l-kobor bla qjies tas-setgħa tiegħu fina li emminna,
skond il-ħila tal-qawwa kbira tiegħu
li ħaddem fi Kristu,
meta qajmu mill-imwiet
u qiegħdu fil-lemin tiegħu fis-smewwiet,
’il fuq minn kull Saltna u Setgħa,
minn kull Qawwa u Ħakma,
’il fuq minn kull isem li jissemma,
mhux biss għaż-żmien ta’ issa, imma wkoll għal li ġej.

Iva, qiegħed kollox taħt riġlejh,
u għamlu ras fuq il-Knisja kollha,
li hi Ġismu,
il-milja ta’ dak li jimla kollox f’kollox.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Mt 28, 19a.20b

Hallelujah. R/. Hallelujah

Morru agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, jgħid il-Mulej.
Jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.

R/. Hallelujah

Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art.
Mt 28, 16-20

Għeluq tal-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Jekk ikollna nħarsu lejn l-Evanġelju li l-Knisja tagħżel għas-Solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-sema, nindunaw li dawn huma l-aħħar ftit vrus li permezz tagħhom l-Evanġelista San Mattew. U, minkejja ż-żewġ reazzjonijiet tad-dixxipli quddiem Kristu Rxoxt li kienu għadhom ma rawx, kemm lil dawk li jemmnu imma jinżlu quddiem Ġesù bħal donnu biex jipprovaw jorbtuh fiss f’post partikolari ħalli ma jitilfuhx, u kif ukoll dawk li ddubitaw forsi għax ċ-ċiniċiżmu u l-pessimiżmu konsegwenza tat-trawma u d-disfatta tas-salib kienu għadhom qed jimmarkawhom; qalbhom kienet għadha mhijiex fil-paċi. Fl-istess ħin nafu li għall-istess aħbar jew esperjenza kulħadd jirreaġixxi bil-mod differenti u uniku tiegħu. 

Imma, sew dawk li emmnu tant li riedu jżommuh hemm magħhom għalihom biss, u sew l-oħrajn xi ftit iktar xettiċi imma fl-istess waqt miftuħin għall-esperjenza la xorta marru, lilhom kollha jagħtihom tliet ordnijiet, responsabbiltajiet, ħidmiet—kif insejħulhom ma tagħmilx differenza—li huma: “morru,” “agħmlu dixxipli,” u “għammduhom.” Dawn it-tliet kelmiet fl-imperattiv prattikament jiffurmaw il-ħidma kollha tal-Knisja u, għax tal-Knisja kollha, huma wkoll il-ħidmiet tagħna, sew jekk nippreferu li nżommu lil Ġesù għalina biss u sew xi minn daqqiet niddubitaw u nitħabtu mal-fidi tagħna. 

L-ewwel nett: “morru,” jiġifieri tibqgħux hawn imdawrin miegħi imma morru sibu lil bnedmin ħutkom li magħhom, bid-diffikultajiet kollha tagħkom pesonali, xorta waħda jeħtieġ twasslulhom l-esperjenza tal-laqgħa personali ma’ Kristu, li xi minn daqqiet hija qawwija u xi drabi oħra hi iktar siekta mis-skiet, ħlief għal dik il-wegħda li tidwi f’widnejna u li magħha niggranfaw. 

It-tieni: “agħmlu dixxipli,” jiġifieri mhux sempliċiment siru afu n-nies ta’ post fejn tmorru, għamlu ħbieb magħhom, imma kull fejn issibu ruħkom ir-relazzjonijiet li tibnu ma jeħlux biss mal-livell uman imma jkunu ħbiberiji li bil-ħlewwa u l-intimità tal-ħbieb taqsmu magħhom ir-relazzjoni tagħkom ta’ dixxipli ma’ Ġesù, mhux biex torbtuhom magħhkom donnhom impjegati jew korteġġani tagħkom, jew biex inżidu man-numru ta’ nies li jiġu l-knisja, imma għax konvinti li l-ħbiberija ma’ Ġesù hija l-isbaħ ħaġa li għandna f’ħajjitna u allura nixtiequ li l-ħbieb tagħna jkunu wkoll ħbieb ta’ Ġesù. 

U tal-aħħar: “għammduhom.” Ġeneralment din il-ħidma nħalluha f’idejn is-saċerdoti b’mod prattiku. Imma r-responsabbiltà tal-magħmudija, ta’ li tressaq lil xi ħadd għall-magħmudija, mhijiex tal-qassis imma, l-ewwel u qabel kollox, hi tal-ġenitur, tal-parrinu, tal-katekisti, imma wkoll tal-għalliema nsara, nanniet man-neputijiet, ħadtuha meta lqajtu n-nar tax-xemgħa  mixgħul mill-blandun u żżommuha ħajja, qawwija, u ma tintefiex. U kull darba li nagħmlu pass f’din id-direzzjoni, mhux se ngħid inkunu qed ngħammduhom mill-ġdid għax ma tistax, imma nkunu qegħdin inżommu jaqbad id-dawl ta’ Kristu fihom. 

Talba

Mulej, ninsabu fejn ninsabu fil-mixja tal-fidi tagħna, lanqas tant jimporta daqskemm li nħallu widnejna miftuħa sabiex jaħbat ma’ widnejna u jinżel f’qalbna d-diwi tal-aħħar kliem tiegħek, “jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien,” u nħallu dan il-kliem iqajjimna fuq saqajna sabiex immorri, nagħmlu dixxipli, u ngħammdu, inlaqqgħuhom mal-grazzja tiegħek Rxoxt, ħaj, sabiex ħajjithom tintmiss u jibdew huma wkoll jsimgħu dan il-kliem u jsir iċ-ċertezza tagħhom, jiġifieri li inti magħna, dejjem u kullimkien, sal-aħħar taż-żmien.