Ferħ fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem

L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Kolletta

Ħares lejna, o Alla, li toħloq u tmexxi kollox, u agħtina li naqduk b’qalbna kollha biex inġarrbu l-qawwa tal-ħniena tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Il-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.
Eż 32:7-11,13-14

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Mosè: “Mur u inżel, għaliex tħassar il-poplu tiegħek, li inti tellajt mill-Eġittu. Malajr warrbu mit-triq li jiena wrejthom: għamlu għalihom għoġol tal-metall imdewweb, niżlu wiċċhom fl-art iqimuh, u offrewlu sagrifiċċju u qalu: ‘Dawn huma l-allat tiegħek, Iżrael, li tellgħuk mill-art tal-Eġittu’”.

U l-Mulej issokta jgħid lil Mosè: “Jiena ħarist lejn dan il-poplu, u rajt li hu poplu ta’ ras iebsa. Ħallini waħdi, issa, ħalli nixgħel il-korla tiegħi għalihom u neqridhom. U lilek nagħmlek ġens kbir”.

Mosè mbagħad talab bil-ħniena quddiem il-Mulej, Alla tiegħu, u qal: “Għaliex, Mulej, tixgħel bil-korla tiegħek għall-poplu tiegħek, li int, b’ħila kbira u b’id qawwija, ħriġtu mill-art tal-Eġittu? Ftakar f’Abraham, f’Iżakk u f’Iżrael, il-qaddejja tiegħek, li int ħliftilhom bik innifsek u għedtilhom: ‘Inkattar in-nisel tagħkom bħall-kwiekeb tas-sema, u din l-art kollha, li jien wegħedt, nagħtiha lil nisilkom bħala wirt għal dejjem’”.

U l-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 50(51):3-4,12-13,17,19

R/. (Lq 15:18): Inqum u mmur għand missieri.

Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek;
fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.
Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi;
naddafni mid-dnub tiegħi. R/.

Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija.
La twarrabnix minn quddiemek;
tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

Iftaħli xufftejja, Sidi,
u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.
Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;
qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.

Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin.
1 Tim 1:12-17

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju

Għażiż, niżżi ħajr lil Kristu Ġesù Sidna, li tani l-qawwa għal dan ix-xogħol u li deherlu li kienet tistħoqqli l-fiduċja tiegħu u għamilni ministru tiegħu, lili li qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi tiegħu. Iżda sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi. Anzi lili l-grazzja ta’ Sidna kienet mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u mal-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù.

Din hija kelma ta’ min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin; u fosthom, lili l-ewwel wieħed. Iżda jien minħabba f’hekk sibt il-ħniena, biex bija, bħala l-ewwel wieħed, Kristu Ġesù juri s-sabar kollu tiegħu, b’eżempju għal dawk li kienu għad iridu jemmnu fih biex ikollhom il-ħajja ta’ dejjem.

Lis-Sultan ta’ dejjem, li ma jmutx u li ma jidhirx, lil Alla waħdu, ġieħ u glorja għal dejjem ta’ dejjem! Amen.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
2 Kor 5:19

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,
u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.
R. Hallelujah.

Ikun hemm ferħ fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.
Lq 15:1-32

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”.

Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli’. Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema. Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli’. Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem”.

Qalilhom ukoll: “Kien hemm raġel li kellu żewġ ulied. Iż-żgħir qal lil missieru: ‘Missier, agħtini s-sehem li jmiss lili mill-ġid’. U dak qassmilhom il-ġid. Ma kinux għaddew wisq ġranet, meta ż-żgħir sarr kollox u telaq minn beltu lejn pajjiż imbiegħed, u hemmhekk berbaq ġidu kollu f’ħajja mtajra. Meta ħela kulma kellu, fuq dak il-pajjiż waqa’ ġuħ kbir, u beda jħoss ruħu fil-bżonn. U mar daħal ma’ wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fir-raba’ tiegħu jirgħa l-ħnieżer. Kien jixtieq kieku jimla żaqqu mqar bil-ħarrub li kienu jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih. Imbagħad daħal fih innifsu u qal: ‘Kemm lavranti ma’ missieri għandhom ħobż bix-xaba’, u jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek; żommni b’wieħed mil-lavranti tiegħek’. Qam, u telaq għal għand missieru.

Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. Qallu ibnu: ‘Missier, dnibt kontra s-sema u kontra tiegħek; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek’. Iżda l-missier qal lill-qaddejja tiegħu: ‘Isaw! Ġibulu l-isbaħ libsa u xidduhielu, libbsulu ċ-ċurkett f’sebgħu u s-sandli f’riġlejh! Ġibu l-għoġol l-imsemmen u oqtluh, ħa nieklu u nagħmlu festa, għax dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!’. U għamlu festa.

Mela ibnu l-kbir kien fl-għalqa. Huwa u rieġa’ lura, kif wasal qrib id-dar sama’ daqq u żfin. Sejjaħ wieħed mill-qaddejja u staqsieh dak x’kien. Qallu dak: ‘Hawn ħuk, u missierek qatillu l-għoġol l-imsemmen, għax raġa’ kisbu qawwi u sħiħ’. Hu inkorla, u ma riedx jidħol ġewwa, iżda missieru ħareġ jitolbu jidħol. Iżda hu qal lil missieru: ‘Ara, ili dawn is-snin kollha naqdik, kelmtek ma ksirthielek qatt, u kieku qatt tajtni gidi lili biex nagħmel ikla u nifraħ ma’ ħbiebi! Imbagħad jiġi dan ibnek, li belagħlek ġidek man-nisa żienja, u lilu toqtollu l-għoġol l-imsemmen!’. Wieġbu missieru: ‘Ibni, inti dejjem miegħi, u kulma hu tiegħi huwa tiegħek. Imma kien meħtieġ li nagħmlu festa u nifirħu, għax dan ħuk kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab’”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Ikun hemm ferħ fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem.
Lq 15:1-10

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-pubblikani u l-midinbin kienu jersqu lejn Ġesù bi ħġarhom biex jisimgħuh. U kemm il-Fariżej u kemm il-kittieba kienu jgemgmu u jgħidu: “Nies midinba jilqa’ għandu dan u jiekol magħhom”. Ġesù qabad u qalilhom din il-parabbola: “Min hu dak fostkom li jkollu mitt nagħġa u jitlef waħda minnhom, u ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fid-deżert biex imur wara l-mitlufa sa ma jsibha? U meta jsibha, jifraħ biha u jerfagħha fuq spallejh, imur id-dar, isejjaħ għandu lil ħbiebu u l-ġirien, u jgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li kienet intilfitli’. Ngħidilkom li l-istess jiġri fis-smewwiet: ikun hemm aktar ferħ għal midneb wieħed li jindem milli għal disgħa u disgħin bniedem tajjeb li ma kellux bżonn ta’ ndiema.

Jew min hi dik il-mara li jkollha għaxar drakmiet u titlef waħda minnhom, li mhijiex sejra tixgħel il-musbieħ u tiknes id-dar, u tibqa’ tfittex bil-għaqal sa ma ssibha? U meta ssibha, issejjaħ għandha lil ħbiebha u l-ġirien, u tgħidilhom: ‘Ifirħu miegħi, għax sibt id-drakma li kienet intilfitli’. Ngħidilkom jien li l-istess ferħ ikun hemm fost l-anġli ta’ Alla għal midneb wieħed li jindem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Il-messaġġ li trid twasslilna l-Kelma ta’ Alla f’dan l-Erbgħa u Għoxrin Ħadd huwa l-ħniena u l-imħabba eterna u infinita ta’ Alla l-Missier. F’Kapitlu 15 tal-Evanġelju skont San Luqa—imsejjaħ l-Evanġelista tal-ħniena u l-maħfra—insibu t-tweġiba ta’ Ġesù lill-Fariżej i kienu dejjem jilmentaw għax kienu jarawh ikellem lill-pubblikani u midinbin oħra, bħal donnhom jgħiru għalih għax dawn kienu jfittxuh u jisimgħu kliemu.

It-tliet tixbihat li jsemmi Ġesù huma tliet ġawhriet fl-Evanġelju skont San Luqa, l-isbaħ xhieda tal-ħniena u l-imħabba ta’ Alla li mhux biss jilqa’ ’l-midneb u jaħfirlu, imma jmur hu stess ifittxu u jifraħ bih meta jarah ġej lura għandu. Il-ferħ tar-ragħaj li meta jsib in-nagħġa l-mitlufa jmur jifraħ mal-ħbieb tiegħu jurina l-ferħ ta’ Alla fis-sema għal midneb li jdur lejh. L-istess naraw fil-ferħ tal-mara meta ssib il-munita l-mitlufa. It-tielet parabbola hi Evanġelju fih innifsu għax tagħtina l-aħbar it-tajba li Alla dejjem lest jaħfrilna meta nitbiegħdu minnu u nerġgħu lura sogħbiena. Din l-istorja tal-missier u ż-żewġ uliedu fiha diversi tagħlimiet.

It-tifel iż-żgħir irid il-libertà mill-missier u jfittex it-tgawdija tal-ħajja. Imma din il-libertà tinbidel f’libertinaġġ u li ssarraf f’jasar. L-esperjenza ’l bogħod mill-missier tneħħilu l-ħolm kollu li kellu. Bħalu jiġrilna meta x-xitan l-ewwel jagħmina u mbagħad idoqq it-trumbetta bina, imma bħalu jeħtieġ li nqumu u mmorru lura għand il-Missier. U l-missier mhux talli jkun lest biex jilqgħu, talli “b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu,” ma jilmentax imma jagħmillu festa. L-istess jimxi magħna Alla meta nuru l-inqas ħjiel ta’ ndiema. Hemm ukoll l-esperjenza tal-iben il-kbir li ma telaqx mid-dar imma xorta waħda ma kienx qrib missieru—għalih kien biss is-sid. Lil ħuh ma jsejjaħlux “ħija” imma jirreferi għalih bħala “dan ibnek.” Imma l-missier joħroġ ukoll biex jiltaqa’ ma’ ibnu l-kbir. Jista’ jkun li aħna nkunu viċin ta’ Alla u naqdu d-doveri tagħna ta’ nsara, imma jista’ jiġri wkoll li f’qalbna nkunu ’l bogħod minnu. Iktar milli nqisuh bħala xi ħadd li rridu nogħġbuh, iktar jeħtieġ li nħarsu lejh bħala l-Missier li jħobbna, u nħarsu lejn ħutna bħala aħwa maħbuba.

Talba

Mulej, nitolbuk biex ma naqtgħux qalbna mill-ħniena tiegħek imma jkollna dejjem il-kuraġġ li nerġgħu lura għandek. “Sinjur Alla, jien għandi fiduċja kbira fik, xħin nosserba li missier ta’ din l-art ma jafx ikeċċi l-iben ingrat tiegħu”.

San Ġorġ Preca, Ħames Minuti fis-Santwarju