min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili

Tlettax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla, int tajtna l-grazzja tal-adozzjoni u għamiltna wlied id-dawl: agħmel li qatt iżjed ma jaħkmuna d-dlamijiet tal-ħażen, imma nibqgħu dejjem imdawwla bid-dija tal-verità tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Dan hu raġel qaddis ta’ Alla.
2 Slat 4, 8-11.14-16

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten
Ġurnata waħda Eliżew kien għaddej minn Sunem. Hawn kienet toqgħod mara għanja, u din ġagħlitu joqgħod jiekol għandha; u kull meta kien jgħaddi minn hemm kien idur għal għandha biex jiekol hemm. U hi qalet lil żewġha: “Ara, jien żgura li dan ir-raġel, li jgħaddi għandna sikwit, hu raġel qaddis ta’ Alla. Ħa ntellgħulu għorfa fuq is-setaħ, u nqegħdulu fiha sodda, mejda, siġġu u mnara, u meta jgħaddi għandna, ikun jista’ jidħol fiha”.

U ġurnata waħda wasal hemm, u daħal fl-għorfa, u raqad hemm. U Eliżew qal lil Ġeħażi, il-qaddej tiegħu: “X’nistgħu nagħmlulha lil din il-mara?”. U Ġeħażi wieġbu: “Jaħasra, ma għandhiex tfal, u żewġha xiħ!”. U wieġbu: “Sejħilha”. U dak sejħilha u ġiet fil-bieb. U Eliżew qalilha: “Bħal dan iż-żmien sena, int tkun tħaddan iben”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 88 (89), 2-3.16-17.18-19

R/. (2a): It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni

It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni;
f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
Għax jien għedt: “Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem;
bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek”. R/.

Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ,
li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.
B’ismek jithennew il-jum kollu,
u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu. R/.

Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom;
għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.
Għax il-Mulej it-tarka tagħna,
il-Qaddis ta’ Iżrael is-sultan tagħna. R/.

Indfinna miegħu permezz tal-magħmudija, biex ngħixu ħajja ġdida.
Rum 6, 3-4.8-11

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Ħuti, ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.

Jekk aħna mitna ma’ Kristu, nemmnu wkoll li għad ngħixu ma’ Kristu. Nafu li Kristu qam mill-imwiet u ma jmutx aktar; il-mewt ma għadhiex taħkem fuqu. Hu li miet, miet darba għal dejjem għad-dnub; u issa li qiegħed jgħix, qiegħed jgħix għal Alla. Hekk ukoll intom għandkom tqisu lilkom infuskom mejtin għad-dnub, iżda ħajjin għal Alla fi Kristu Ġesù

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
1 Piet 2, 9

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis,
biex ixxandru t-tifħir ta’ dak li sejħilkom mid-dlam
għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Min ma jerfax salibu, ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min jilqa’ lilkom ikun jilqa’ lili.
Mt 10, 37-42

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Min iħobb lil missieru jew lil ommu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi; min iħobb lil ibnu jew lil bintu iżjed minni ma jistħoqqlux li jkun tiegħi. U min ma jerfax salibu u jimxi warajja ma jistħoqqlux li jkun miegħi.

Min isib lil ħajtu, jitlifha; u min jitlef lil ħajtu minħabba fija jsibha. Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jkun jilqa’ lil dak li bagħatni. Min jilqa’ profeta għax hu profeta, ħlas ta’ profeta jieħu; u min jilqa’ bniedem ġust għax hu ġust, ħlas ta’ wieħed ġust jieħu. U kull min jagħti mqar tazza ilma frisk lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ngħidilkom li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Dan l-Evanġelju huwa parti mid-Diskors tal-Missjoni fejn Ġesù jkompli jiddeskrivi dak li jħabbtu wiċċhom miegħu d-dixxipli tiegħu. Jibda billi jpoġġilna l-prijoritajiet ċari quddiemna: li aħna maħluqin mill-imħabba ta’ Alla u biex inħobbuh. Allura l-missjoni tagħna fil-familja u fil-post tax-xogħol għandha tkun kontinwazzjoni u espressjoni ta’ din l-imħabba. Il-ħajja tagħna fil-familja għandha tkun ukoll mezz ta’ kif nxandru u ngħixu l-Bxara t-Tajba.

Imbagħad jgħaddi biex jpoġġihielna ċarha wkoll li min jimxi warajh se jsib l-iebes. Il-presekuzzjoni jew li tiġi mwarrab huma il-konsegwenzi tal-għażla libera ta’ dawk li jridu jimxu wara Kristu bis-serjetà.  Għalhekk, meta aħna nitkellmu għall-verità jew għall-ġustizzja, jew meta aħna nagħmlu dak li hu sewwa, irridu nistennew li nsibu l-opposizzjoni. U f’dan is-sens inkunu qed nitilfu ħajjitna. Iċ-ċentru ta’ ħajjitna ma jibqax aħna jew il-‘jien’ imma il-valuri li ħadem għalihom Kristu. U, għalkemm dan forsi ma jagħmilx sens f’għajnejn id-dinja, Kristu jgħidilna li b’hekk biss nirbħu l-ħajja: il-veru libertà u paċi.

L-Evanġelju jagħlaq bil-wegħda li hu u l-Missier se jibqgħu ma’ dawk li jxandruh u b’hekk id-dixxiplu jsir jixbah aktar lil Kristu. Id-dixxiplu jsir bħal mera fejn fiha nistgħu nilmħu l-imħabba ta’ Alla. Imma Ġesù jenfasizza li mhux bil-kliem biss għandna nxandruh imma bl-għemil ukoll. Ġesù jitkellem fuq ġest sempliċi li ma jiswiex ħafna: li toffri tazza ilma. U hawn tajjeb li nirrealizzaw kemm bil-ġesti kollha, anke dawk daqstant sempliċi li nagħmlu, inkunu qed nibnu s-Saltna ta’ Alla fid-dinja. Biex inbiddlu id-dinja m’għandniex biss bżonn id-deċiżjonijiet politiċi jew tan-nies fil-poter, imma anke ġesti sempliċi ta’ ħlewwa, kif jgħid il-Papa Franġisku fl-enċiklika tiegħu Fratelli Tutti:

Illum qajla għadek issib min għandu ħin u enerġija biex jieqaf ftit ħalli jittratta tajjeb lill-oħrajn, biex jgħid, “jekk jogħġbok,” “skużani,” “grazzi.” Imma kull tant jinqala’ xi miraklu ta’ persuna ġentili, li twarrab għall-ġenb l-inkwiet tagħha u l-bżonnijiet urġenti tagħha biex tagħti attenzjoni, biex tirregala tbissima, biex tlissen kelma ta’ tħeġġiġ, biex tagħmel possibbli spazju ta’ smigħ qalb tant indifferenza … Il-prattika tal-ħlewwa mhix xi dettall sekondarju u lanqas imġiba superfiċjali jew tal-puliti. Bl-istima u r-rispett li titlob, meta ssir kultura f’soċjetà, tibdel qatigħ l-istil ta’ ħajja, ir-relazzjonijiet soċjali, il-mod ta’ kif niddibattu u nħabbtu l-ideat tagħna ma’ xulxin.” par. 224

Talba

Mulej, quddiem l-għażla tagħna bħala dixxipli u mibgħuta tiegħek, agħtina qalb ħelwa, anke meta nsibu ruħna minn taħt. Agħmel li ċ-ċiniċiżmu jew ir-reżistenza li nsibu jaqtgħulna qalbna milli nibqgħu nagħżlu t-tajjeb fuq kollox.