Sal-aħħar taż-żmien

Solennità tat-Trinità Qaddisa

Kolletta

O Alla Missier, inti bgħatt fid-dinja l-Kelma tal-Verità u l-Ispirtu tal-Qdusija, u wrejtna l-misteru tiegħek tal-għaġeb; agħtina li nistqarru l-fidi vera billi nemmnu fit-Trinità Qaddisa, u naduraw Alla wieħed fis-setgħa u l-kobor tiegħu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Il-Mulej hu tassew Alla kemm fil-għoli tas-sema kif ukoll hawn isfel fl-art, u m’hawnx ieħor għajru.
Dewt 4:32-34,39-40

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

Mosè kellem lill-poplu u qal: “Staqsi liż-żminijiet tal-imgħoddi, iż-żminijiet ta’ qabel, sa minn mindu Alla ħalaq il-bniedem fuq l-art, fittex minn tarf għall-ieħor tas-sema, u ara kienx hemm ġrajja hekk kbira bħal din, jew qattx instemgħet oħra bħalha. Qatt kien hemm poplu li sama’ leħen Alla jitkellem minn ġon-nar – bħalma smajt int – u baqa’ ħaj?

Jew qatt xi alla fittex li jagħżel għalih poplu minn fost poplu ieħor b’tiġrib, b’sinjali, b’għeġubijiet, b’taqbid, b’id qawwija u bi driegħ merfugħ, b’għemejjel kbar tal-biża’, bħalma għamel għalik quddiem għajnejk fl-Eġittu l-Mulej, Alla tiegħek?

Mela, kun af illum, u żommha f’moħħok, li l-Mulej hu tassew Alla, kemm fl-għoli tas-sema kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx ieħor għajru. Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ħalli tgħix żmien twil fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 32(33):4-5,6,9,18-19,20,22

R/. (12b): Hieni l-poplu li l-Mulej għażel b’wirtu.

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,
kollox bil-fedeltà huwa għamel.
Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;
bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

Bil-kelma tal-Mulej saru s-smewwiet,
u b’nifs fommu t-tiżjin kollu tagħhom.
Għax hu tkellem, u kollox sar;
hu ordna, u kollox seħħ. R/.

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,
fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,
biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,
u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,
hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.
Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,
kif fik hi t-tama tagħna. R/.

Irċevejtu l-Ispirtu tal-adozzjoni ta’ wlied Alla.
Rum 8:14-17

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

Ħuti, dawk kollha li jmexxihom l-Ispirtu ta’ Alla huma wlied Alla. Għax intom ma rċevejtux l-ispirtu li jwassalkom għall-jasar biex terġgħu taqgħu fil-biża’, imma rċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi; u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”. Dan l-Ispirtu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna li aħna wlied Alla. Jekk aħna wlied, aħna wkoll werrieta, werrieta ta’ Alla, werrieta ma’ Kristu: ladarba aħna nbatu miegħu, biex miegħu nkunu gglorifikati.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Apok 1:8

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,
lil Alla li hu, u li kien u li għad irid jiġi.
R/. Hallelujah.

Għallmu u għammdu fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Mt 28:16-20

Għeluq tal-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Fil-bidu tal-Evanġelju tal-lum naraw il-ħdax-il dixxiplu jerġgħu jaqbdu triqithom lejn il-Galilija. Il-Galilija kien il-post fejn kienet bdiet l-avventura tagħhom ma’ Ġesù: il-post tas-sejħa, il-post tad-deċiżjoni li jħallu kollox biex jimxu warajh, il-post fejn bdiet mixja li kellha twassalhom Ġerusalemm fejn raw lil dak li kien għażilhom, imut fuq is-Salib. Issa se jerġgħu jmorru hemm, din id-darba fuq ‘ordni’ wara Ġesù rebbieħ fuq il-mewt u d-dnub.

L-Evanġelju jgħidilna li huma nxteħtu quddiemu, ‘għalkemm xi wħud iddubitaw’. Kemm hi realistika din il-frażi! Minjaf kemm-il darba aħna stess ninxteħtu quddiemu fl-Ewkaristija, iżda xorta nsibu lilna nfusna niddubitaw minnu, mill-imħabba bla kundizzjoni tiegħu u mill-fedeltà tiegħu. 

Madanakollu, aħna msejħa biex nemmnu fil-Kelma tiegħu li hu magħna dejjem, sal-aħħar taż-żmien. Fis-Solennità tat-Trinità Qaddisa, aħna msejħa nibnu relazzjoni miegħu bħala Alla Trinità: il-Missier li ħalaqna, l-Iben li salvana u l-Ispirtu s-Santu li jikkunslana. It-Trinità hi komunjoni bejn tliet persuni f’Alla wieħed u aħna, bħala dixxipli, imsejħa sabiex nipparteċipaw f’din l-għaqda hekk sabiħa.

Madanakollu, bħala nsara mgħammdin, aħna m’aħniex biss imsejħa biex nipparteċipaw fil-ħajja tat-Trinità Qaddisa, iżda li ngħaddu din l-istess ħajja lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom. Il-Ħadd li għadda ċċelebrajna l-festa tal-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja. Tassew li llum mhux faċli li nkunu ħrief qalb l-ilpup iżda l-Ispirtu s-Santu qiegħed magħna, bil-qawwa u bid-doni tiegħu, biex tassew jgħinna nkunu xhieda ta’ dak li nemmnu fih. 

Kif jgħid il-Papa Franġisku f’waħda mill-udjenzi tiegħu: ‘Din hi l-grazzja tal-fidi. Aħna ma stajniex nittamaw għal vokazzjoni ogħla: l-umanità ta’ Ġesù—Alla għamel lilu nnifsu viċin permezz ta’ Ġesù—għamlet possibbli għalina l-ħajja nnifsiha tat-Trinità; hu fetaħ, hu fetaħ beraħ dal-bieb tal-misteru tal-imħabba tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu’ (3 ta’ Marzu 2021). 

Talba

Mulej Ġesù, grazzi talli, permezz tiegħek, it-talb jiftaħna għat-Trinità—għall-Missier, għall-Iben u għall-Ispirtu s-Santu—għall-immensità ta’ Alla li hu mħabba.