Spirtu tal-Verità

Solennità ta’ Għid il-Ħamsin

Kolletta

Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu.
Atti 2:1-11

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.

F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Mibluhin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 103(104):1ab,24aċ,29bċ-30,31,34

R/.(30): Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art.
jew
R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

Bierek ruħ tiegħi, lill-Mulej!
Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!
Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!
Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek. R/.

Jekk teħdilhom nifishom, imutu,
u lejn it-trab jerġgħu jmorru.
Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,
u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

Jibqa’ sebħ il-Mulej għal dejjem!
Jifraħ il-Mulej bl-għemejjel tiegħu!
Ħa togħġbu l-għanja tiegħi,
għax jiena fil-Mulej l-hena tiegħi. R/.

Il-frott tal-Ispirtu.
Gal 5:16-25

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

Ħuti, jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ.

Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-liġi. L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Inwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla. Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx liġi.

Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SEKWENZA

Spirtu s-Santu, ejja fina,
raġġ ta’ dawl qaddis agħtina,
xerrdu f’ruħna mis-smewwiet.

O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

Inti l-aqwa faraġ tagħna,
fik kull hena xħin tkun magħna,
tħossok fewġa ħelwa r-ruħ.

Fl-għaja, lejn is-serħ twassalna;
jekk imħeġġa wisq, trażżanna;
mill-għajnejn tixxotta d-dmugħ.

O dawl hieni ta’ qdusija,
nitolbuk li bik mimlija
tkun il-qalb ta’ kull fidil.

Mingħajr dawlek li jmexxina
ebda ħajr ma jkun hemm fina,
ebda safa fil-għemil.

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.

Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.

Agħti s-seba’ doni tiegħek
lil min jimxi fidil miegħek
u li fik jistrieħ kull ħin.

Agħti ’l kull virtù sabiħa
ħlas ta’ salvazzjoni sħiħa,
agħti l-ġenna lit-tajbin.
Ammen. Hallelujah.

Veni, Sancte Spiritus,
et emitte caelitus
lucis tuæ radium.

Veni, pater pauperum,
veni, dator munerum
veni, lumen cordium.

Consolator optime,
dulcis hospes animæ,
dulce refrigerium.

In labore requies,
in æstu temperies
in fletu solacium.

O lux beatissima,
reple cordis intima
tuorum fidelium.

Sine tuo numine,
nihil est in homine,
nihil est innoxium.

Lava quod est sordidum,
riga quod est aridum,
sana quod est saucium.

Flecte quod est rigidum,
fove quod est frigidum,
rege quod est devium.

Da tuis fidelibus,
in te confidentibus,
sacrum septenarium.

Da virtutis meritum,
da salutis exitum,
da perenne gaudium,
Amen. Alleluia.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ejja, Spirtu s-Santu,
imla l-qlub tal-fidili tiegħek
u kebbes fihom in-nar ta’ mħabbtek.
R/. Hallelujah.

L-Ispirtu tal-verità jwassalkom għall-verità kollha.
Ġw 15:26-27; 16:12-15

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur, li se nibagħtilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verità, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu.

Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

Il-festa kbira ta’ Pentekoste għandha ħafna qari mill-Iskrittura li hu sinifikanti ħafna. F’din il-Lectio se niffukaw fuq l-Evanġelju ta’ nhar il-festa.

Ġesù qed iħalli lill-Appostli l-legat tiegħu. Jaf li huma m’għandhomx xi memorja kbira u lanqas xi kuraġġ partikularment kbir. Għalhekk, ma jħallihomx mingħajr għajnuna. Din l-għajnuna jħalliha fil-Paraklitu (id-Difensur). Din il-Persuna Divina nsejħulha b’diversi ismijiet imma l-iktar komunu hu l-Ispirtu s-Santu. L-Ispirtu l-Qaddis li jqaddes. L-Ispirtu tal-Verità jsejjaħlu Ġesù.

Meta jiġi d-Difensur” – Sakemm Ġesù kien magħhom, hu kien id-Difensur tagħhom. Imma hu se jitlaq. Għalhekk, se jibgħat fuqhom Paraklitu ieħor li se jieħu ħsiebhom. Mingħajru ma jistgħu jagħmlu xejn. Minn żmien Pentekoste ’l hawn, kull meta d-dixxipli ta’ Ġesù ħallew li l-Paraklitu jaħdem fihom u magħhom, il-Knisja kibret fil-maturità u fin-numri. Imma d-dixxipli malajr jinsew u jibdew jafdaw fihom infushom, fit-talenti tagħhom jew jafdaw iktar fin-nies. U hemm il-Knisja titlef “il-qawwa” mwiegħda.

Inti, x’relazzjoni għandek mad-Difensur li Ġesù ħallas prezz immens għoli biex jiġi jieħu ħsiebek u jmexxik?

nibagħtilkom mingħand il-Missier” – Il-Paraklitu hu Alla, wieħed mill-Persuni tat-Trinità Qaddisa, jgħix u jsaltan flimkien mal-Missier u mal-Iben sa mill-eternità. Tgħidli għalfejn qed tgħid l-ovvju. Aħna kollha nemmnuh dan. Imma jien insaqsi: tassew li nemmnuh dan b’tali mod li jbiddel il-mod kif naħsbu fuqna nfusna u fuq l-appostolat tagħna? Ħa nagħti eżempju wieħed biss. Fir-relazzjoni tiegħek ma’ Alla fit-talb, kif tkellmu lil Alla?

Tħalli l-Ispirtu fik iqanqlek biex issejjaħlu “Abbà”, “Pà”? Tħallih jiftaħlek moħħok u qalbek biex tifhem l-Iskrittura Mqaddsa? Tħallih jagħtik kelma ta’ verità, kelma profetika fuq ħajtek bħalma ta lil Marija, lil Pietru, lil Pawlu, lil Franġisku, lil Katerina? Tħallih idaħħlek f’relazzjoni intima ta’ iben/bint ma’ Missierhom? 

Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha” – X’verità hi li qed jitkellem fuqha Ġesù? Din hi l-verità li teħlisna. Ġesù qal lil dawk li emmnu fih: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom” (Ġw 8, 31-32). L-Ispirtu s-Santu, il-Paraklitu, jfakkarna fil-kelma ta’ Ġesù (naturalment dan jinvolvi li nkunu qrajna l-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelji) u nħalluh jikkonvinċina biha. Din hi l-verità li teħlisna.

Allura tiġi l-mistoqsija: Jien qed nagħti spazju lili nnifsi biex naqra l-Evanġelju b’mod regolari u nitlob lill-Ispirtu jwassalni biex nifhem dan il-kliem u jikkonvinċini minn din il-verità jew nipprova ninterpreta l-Evanġelju kif jaqbilli jew nevita li naqrah, jew naqrah imma ma nħallix ħin biex jinfidli qalbi bil-qawwa tal-Ispirtu?