Sejħu għall-festa lil kull min issibu

It-Tmienja u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena A

Kolletta

Nitolbuk, Mulej, li l-grazzja tiegħek dejjem tqanqalna u tieqaf magħna, u tħeġġiġna biex inkunu l-ħin kollu medhija b’għemejjel tajba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen. 

Jagħmel il-Mulej mejda b’ikel fin, u jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ.
Is 25, 6-10a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

Jagħmel il-Mulej tal-eżerċti
għall-popli kollha fuq din il-muntanja,
mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa,
b’laħam imsemmen bil-mudullun, u nbejjed fini.
U jċarrat minn fuq din il-muntanja
il-velu li kien jgħatti wiċċ il-popli kollha,
għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-ġnus.
Jeqred il-mewt għal dejjem,
jixxotta Sidi l-Mulej id-dmugħ minn fuq kull wiċċ,
u jħassar l-għajb tal-poplu tiegħu minn wiċċ l-art kollha:
għax il-Mulej tkellem.
U dakinhar jgħidu: “Dan hu Alla tagħna:
fih ittamajna li jsalvana;
dan hu l-Mulej li fih ittamajna:
nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu.
Għax id il-Mulej tinżel fuq din il-muntanja”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5-6

R/. (6cd) Ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj!

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.

Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini.
Fil 4, 12-14.19-20

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Ħuti, naf ngħix fl-għaks; u naf ngħix fil-ġid; kollox drajt u noqgħod għal kollox: ix-xaba’ u l-ġuħ, il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa ta’ dak li jqawwini. Għamiltu sewwa ħafna meta qsamtu miegħi tbatijieti.

Jimliekom Alla tiegħi b’kull ġid fil-ħtieġa tagħkom, skond l-għana tal-glorja fi Kristu Ġesù. Lil dan Alla u Missierna, glorja għal dejjem ta’ dejjem. Amen.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Efes 1, 17-18

Hallelujah. R/. Hallelujah
Alla ta’ Sidna Ġesù Kristu, il-Missier tal-glorja,
jagħtikom spirtu ta’ għerf
biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.
Hallelujah

Sejħu għall-festa lil kull min issibu.
Mt 22, 1-14

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.

U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.

Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda. Mela jidħol is-sultan ħalli jara min kien hemm fuq il-mejda, u hemmhekk lemaħ wieħed li ma kienx liebes għall-festa tat-tieġ; u qallu: “Ħabib, dan kif dħalt hawn m’intix liebes għall-festa?”. Dak tbikkem. Imbagħad is-sultan qal lil dawk li kienu qegħdin iservu: “Orbtulu riġlejh u idejh u waddbuh ’il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien!”. Għax ħafna huma l-imsejħin, imma ftit il-magħżulin!”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Jew il-forma l-qasira

Sejħu għall-festa lil kull min issibu.
Mt 22, 1-10

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

F’dak iż-żmien, lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu 1Ġesù raġa’ qabad ikellimhom bil-parabboli u qalilhom: “Is-saltna tas-smewwiet tixbah lil wieħed sultan li għamel festa għat-tieġ ta’ ibnu. U bagħat għall-mistednin mal-qaddejja tiegħu biex jiġu għall-festa; imma dawk ma ridux jiġu.

U reġa’ bagħat qaddejja oħra, u qalilhom: “Għidu lill-mistednin: Ara, il-mejda tiegħi lesta; il-barrin u l-għoġiela msemmna diġa’ maqtula u kollox lest; ejjew għall-festa”. Iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu, u l-bqija qabdu lill-qaddejja tas-sultan, żebilħuhom u qatluhom. Is-sultan inkorla ħafna, u bagħat is-suldati tiegħu, qered lil dawk il-qattiela, u ħarqilhom il-belt tagħhom.

Imbagħad qal lill-qaddejja tiegħu: “Il-festa mħejjija, imma lil dawk ma kienx ta’ min jistedinhom għaliha. Mela morru f’salib it-toroq u sejħu għall-festa lil kull min issibu”. Dawk il-qaddejja ħarġu fit-triqat u ġabru lil kull min sabu, ħżiena u tajba, u s-sala mtliet bin-nies għall-mejda”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu


Riflessjoni

Il-Profeta Isaija jiddeskrivi b’dettall kbir l-ikla li jaf iħejji Alla għall-polpu tiegħu: Ikel fin, inbejjed ħelwa, laħam imsemmen bil-mudullun … Id-deskrizzjoni ta’ Isaija tibda u tispiċċa bil-kliem “fin” u “fini.” Alla hu dak il-missier li għal uliedu jagħti l-aqwa u l-aħjar. 

Imur oltre minn hekk: mhux jitma’ biss iżda jċarrat il-velu li jgħatti wiċċ il-popli, jeqred il-mewt, jixxotta d-dmugħ minn kull wiċċ, iħassar l-għajb. U dan kollu sar bis-saħħa u l-qawwa tal-Kelma tiegħu. Dan hu Alla li fih ittamajna, li ġie jsalvana, li jqanqal fina l-ferħ u l-hena għax id il-Mulej niżlet fuq din il-muntanja. 

Fis-Salm 22 naqraw: “Ngħammar f’dar il-Mulej sakemm indum ħaj.” Min minna ma jridx jgħammar f’dar fejn dak li ddeskriva tant tajjeb il-Profeta Isaija qed jiġi offrut lili u lilek b’tant abbundanza, fejn il-Mulej ma jimpurtahx biss mill-ħtiġijiet fiżiċi iżda wkoll minn dawk emozzjonali u psikoloġiċi? 

Hu l-veru ragħaj li jimpurtah min-nagħaġ tiegħu u ma joqgħodx bi kwietu qabel ma jeħodna fejn l-ilma frisk fejn hemm hu jserraħna u jrejjaqna. 

San Pawl lill-Filippin ikellimhom dwar il-paradoss—kelma li tgħallimt minn Patri William Axiaq O.F.M. Cap. waqt kors dwar il-Bibbja. Il-paradoss ta’ San Pawl kien li kien jaf jgħix f’kull ċirkustanza li kienet toffrilu l-ħajja, kemm jekk xaba u sew jekk ġuħ, kemm jekk ġid u kemm jekk għaks. Imma San Pawl jagħmilha ċara ħafna magħna li dan waħdu ma setgħax jagħmlu jekk mhux bis-saħħa ta’ Alla li kien iqawwih fid-dgħufija tiegħu. 

San Pawl jerġa’ jfakkarna f’kemm Alla jieħu ħsiebna billi jirreferi għal Alla bħala dak li jipprovdilna kull ġid fil-ħtieġijiet tagħna, u dan dejjem skont l-għana tal-glorja fi Kristu Ġesù.  

San Mattew jerġa’ jirreferina għall-abbundanza tal-festa tat-tieġ ta’ bin is-sultan. Ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra konna xhieda tal-abbundanza waqt festin ta’ tieġ li nkunu mistiedna għalih. San Mattew jirreferi għal tliet stediniet li s-sultan jagħmel lill-mistednin li mhux biss irifjutaw u injoraw din lis-stedina talli waslu saħansitra biex joqtlu lil dawk il-qaddejja li waslulhom l-istedina. 

Tgħid aħna wkoll xi drabi nieħdu dan l-atteġġjament? L-istedina tal-qari tal-lum hi li aħna nkunu grati kull darba li Alla jersaq lejna biex iġedded ir-relazzjoni tiegħu magħna permezz tas-Sagramenti, tal-festin li jseħħ f’kull Ewkaristija, kemm dik fost il-ġimgħa u b’mod speċjali dik tal-Ħadd, u ta’ ħajja ta’ talb u komunikazzjoni miftuħa miegħu. 

Talba
Mulej, iftaħli għajnejja u s-sensi tiegħi għall-abbundanza ta’ mħabbtek għall-umanità kollha f’dan iż-żmien kiefer ta’ gwerer, fosthom fl-Art Imqaddsa. Dawwal l-imħuħ ta’ min jirrikorri għall-armi biex mingħalih iġib il-paċi billi jiddomina nazzjon fuq ieħor. Ammen.