Sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn


Il-Ħmistax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena B
Mk 6, 7-13

F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi.

Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”.

Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom.


Riflessjoni

L-episodju tal-lum jippreżentalna lil Ġesù li jsejjaħ u jibgħat lit-Tnax sabiex ikomplu l-missjoni li beda Hu. Ironikament, is-silta li tiġi eżatt qabel dan ir-rakkont tlaqqagħna ma’ Ġesù miċħud minn niesu stess (in-nies ta’ Nazaret) li kienu qed jisimgħuh jgħallem ġewwa s-sinagoga. Ma aċċettawhx għax f’għajnejhom baqa’ “il-Mastrudaxxa bin Marija.” Fir-rakkont tal-lum, Ġesù jwissi lit-Tnax li l-istess reazzjoni jistgħu jiltaqgħu magħha huma.

Ir-rakkont jista’ jinqasam fi tliet partijiet. L-ewwel parti (vers 7) nsibu lil Ġesù jsejjaħ u jibgħat. Kemm huma żewġ verbi sbieħ! Ġesù l-ewwel isejjaħ lit-Tnax, jgħajtilhom b’isimhom. Għax jafhom. Ta’ kuljum kien ikun magħhom. Kienu midħla ta’ xulxin. Imbagħad Ġesù jibgħathom. Ma jżommhomx għalih. Ladarba ġarrbuh, issa jmiss li jxandruh ħalli permezz tagħhom jibqa’ jfejjaq, jibqa’ jsalva.

Fit-tieni parti (versi 8-11) nsibu sett ta’ istruzzjonijiet li t-Tnax għandhom isegwu. Għala jwissihom ma jġorrux magħhom la ħobż, la ħorġa u lanqas flus? Għala jwissihom iġorru biss ħatar f’idhom u qorq f’saqajhom u ma jxiddux żewġ ilbiesi? Timmaġinak issiefer b’ta’ fuqek senduqek? Ġesù jagħmel dan għax il-missjoni tat-Tnax ma kinitx tiddependi fuqhom infushom, imma fuq id-dipendenza tagħhom fuq Alla. Dak li ġew afdati bih ma kienx tagħhom, imma ta’ Alla. U kien Alla nnifsu li se jipprovdi matul it-triq. Dak li jsejjaħ, isostni wkoll. Dak li jibgħat, jipprovdi wkoll. Javżahom li ser isibu min jilqagħhom u ser isibu min jiċħadhom … bħalma kien hemm min laqa’ u bħalma kien hemm min ċaħad lilu. Il-qaddej mhuwiex aqwa minn sidu.

It-tielet u l-aħħar parti (versi 12-13) hija deskrizzjoni tal-ħidma tat-Tnax wara li ġew mibgħuta. Xandru l-indiema, keċċew ix-xjaten u fejqu l-morda. Alla kien magħhom, mhux biss fil-providenza materjali matul it-triq, imma kien ukoll magħhom fil-providenza spiritwali matul il-missjoni.  


Talba

Mulej, inti ssejjaħ. Inti tgħajjatli b’ismi għax tafni sewwa.Dak li naqra u dak li jgħiduli dwarek mhux biżżejjed. Irrid inkun midħla tiegħek. Irrid inkun waħda minn ta’ ġewwa. Għini ħa nġarrbek f’ħajti … fis-skiet u l-moħbi tal-kamra ta’ ġewwa.

Mulej, inti tibgħat. Inti tibgħatni qalb in-nagħaġ u tibgħatni qalb l-ilpup. Kun Int il-ħatar tiegħi li jsostnini meta ngħejja u meta nibża’.

Fuq kollox, ma tridnix inġorr. Ma tridnix nitgħabba. Għax id-dipendenza fuqi nnifsi ma twassalnix fid-destinazzjoni tiegħek. Il-missjoni hija tiegħek, mhux tiegħi. Mulej, għallimni nafdak tul it-triq. Għallimni nħalli warajja r-rabtiet li għandi. Għallimni nintelaq f’idejk … u għax nafdak niddistakka ruħi minni nnifsi. Għax jiena stess naf inkun ta’ xkiel … mhux biss għalija nnifsi, imma saħansitra għall-oħrajn. Tħallini qatt li nwassal lili nnifsi flok lilek. Bħal ommok Marija, għallimni nafdak … speċjalment meta t-triq ma nifhimhiex. Bil-kliem tas-salmista ntenni:

“Bik miegħi, xejn ma jonqosni. Imqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi. F’mergħat kollha ħdura tqegħidni. Ħdejn l-ilma fejn nistrieħ toħodni u hemm inti trejjaqni.”

Ammen.