Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk

It-Tlettax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Kolletta

O Alla, int tajtna l-grazzja tal-adozzjoni u għamiltna wlied id-dawl: agħmel li qatt iżjed ma jaħkmuna d-dlamijiet tal-ħażen, imma nibqgħu dejjem imdawwla bid-dija tal-verità tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

Eliżew mar wara Elija.
1 Slat 19, 16b. 19-21

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal lil Elija: “Lil Eliżew bin Safat, ta’ Abel-mehola, idilku profeta flokok”. Elija telaq minn hemm u sab lil Eliżew bin Safat, waqt li kien qiegħed jaħrat bi tnax-il żewġ gniedes quddiemu; u hu kien qiegħed imexxi t-tnax-il wieħed. Resaq lejh Elija, u xeħet fuqu l-mantell tiegħu. Dan ħalla l-gniedes u mar jiġri wara Elija jgħidlu: “Ħallini mmur insellem lil missieri u ’l ommi, imbagħad niġi warajk”. Qallu Elija: “Mur u erġa’ ejja; għaliex x’għamiltlek jiena?”. Eliżew tbiegħed minnu, qabad żewġ gniedes, qatilhom u offriehom sagrifiċċju. U bl-għodda tal-ħrit sajjar il-laħam, qassmu lin-nies, u kielu. U hu mar wara Elija, u beda jservih.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 15 (16), 1-2a u 5. 7-8. 9-10. 11

R/. (5a): Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.
Jien għedt lill-Mulej: “Int Sidi,
m’għandix ġid ieħor ħliefek”.
Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,
inti żżomm f’idejk xortija. R/.

Imbierek lill-Mulej li tani l-fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,
u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.
Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,
ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;
hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,
hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

Intom ġejtu msejħa għall-ħelsien.
Gal 5, 1.13-18

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

Ħuti, Kristu ħelisna biex ngħixu ta’ nies ħielsa. Żommu sħiħ, u terġgħux tmiddu għonqkom għall-madmad tal-jasar. Intom imma, ħuti, intom ġejtu msejħa għall-ħelsien; imma tinqdewx b’dan il-ħelsien għall-ġisem, iżda aqdu lil xulxin fl-imħabba. Il-Liġi kollha tinġabar f’liġi waħda: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”. Jekk intom tgiddmu u tieklu lil xulxin, oqogħdu attenti li ma tikkunsmawx lil xulxin!

Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ. Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-Liġi.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
1 Sam 3, 9; Ġw 6, 68ċ

Hallelujah. R/. Hallelujah.
Tkellem, Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’:
Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
R/. Hallelujah.

Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk
Lq 9, 51-62

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Meta Ġesù qorob għalih iż-żmien li fih kellu jittieħed mid-dinja, b’rieda sħiħa dar u telaq lejn Ġerusalemm. U bagħat xi messaġġiera qablu li, huma u sejrin, daħlu f’raħal tas-Samarija biex iħejjulu fejn joqgħod. Iżda hemmhekk ma laqgħuhx, billi hu kien sejjer Ġerusalemm. Meta raw dan, id-dixxipli Ġakbu u Ġwanni qalulu: “Mulej, tridx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom?”. Iżda hu dar fuqhom u ċanfarhom. U marru f’raħal ieħor. Huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qallu: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk”. U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”.

Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja”. Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri”. Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla”. U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar”. Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

F’dan l-Evanġelju, Luqa jitkellem fuq waħda mill-aktar realtajiet importanti għal Ġesù, u għal kull nisrani: id-dixxipulat. Dan jikkonsisti f’kif wieħed għandu jimxi wara Ġesù, l-attitudnijiet li jeħtieġ ikollu u l-prijoritajiet li għandu jikkultiva. Is-silta tal-lum tibda b’atteġġjamenti żbaljati li d-dixxipli tal-Mulej jista’ jkollhom: jew jirriġettawh (is-Samaritani), jew ma jifhmux il-qalba tal-missjoni tiegħu (l-appostli Ġakbu u Ġwanni), jew inkella jippruvaw ifasslu immaġni ta’ Alla fuq dik tagħhom minflok bil-kontra (dawk li l-Mulej sejħilhom u riedu jaċċettaw bil-kundizzjonijiet tagħhom). Kemm-il darba naqgħu f’dawn il-kategoriji! Kemm-il darba ma nilqgħux il-kelma tal-Mulej meta ma jaqblilniex għax tispelli prezz ta’ skumdità u tbatija? Kemm-il darba nippretendu li l-Mulej jistmana ta’ privileġġjati fuq ħaddieħor, u ninsew li kull persuna hija xbieha tiegħu, u maħbuba mill-Mulej? U kemm-il darba lill-Mulej nagħmlulu kundizzjonijiet biex inwettqu dak li jgħidilna, li joħorġu minn prijoritajiet u proġetti oħra li jkollna? Il-qari kollu tal-lum jurina li meta l-bniedem jisma’ s-sejħa u jwettaqha kif inhi u bis-sħiħ, mingħajr kundizzjonijiet, u jintelaq kompletament b’fiduċja sħiħa fil-Mulej, jikber u jimmatura u jkollu perspettiva ġdida tal-fidi imsejsa fuq l-imaġni vera ta’ Alla. Jaqgħu il-maskri u jdubu l-pretensjonijiet, u l-bniedem il-qadim jiġi trasformat fil-ġdid, bil-qawwa tal-Ispirtu tal-Mulej. Hekk ġralu llum Eliżew, il-profeta li ħalla kollox warajh u segwa lil Elija! U hekk jiġrilu kull dixxiplu ta’ Ġesù li jirnexxilu jaqbad il-moħriet u qatt aktar ma jħares lura. Kelma tal-Mulej Ġesù din! Nemmnuha tassew?

Talba

Missier Qaddis, nitolbuk tagħtina l-grazzja biex inkunu dejjem dixxipli awtentiċi, leali, u bis-sħiħ impenjati ta’ Ibnek Ġesù Kristu, bil-qawwa tal-Ispirtu Qaddis tiegħek! Agħtina, nitolbuk, id-don tas-smigħ biex nisimgħu u nagħrfu s-sejħa, il-kuraġġ biex inwettquha u l-perseveranza biex intemmuha sal-aħħar. Aħfrilna ta’ kemm-il darba ppruvajna nieħdu l-kontroll ta’ ħajjitna f’idejna u ċħadna jew sfidajna l-awtorità, jew saħansitra ppruvajna nagħmluk fuq ix-xbieha tagħna. Ibdilna dejjem, Missier Qaddis, fix-xbieha tiegħek li ħlaqtna fiha, u li tidher f’Ibnek Ġesù Kristu.  

Ammen