U beda jgħallimhom ħafna ħwejjeġ

Is-Sittax-il Ħadd ta’ Matul is-Sena B

Kolletta

Ħenn għalina, Mulej, qaddejja tiegħek, u kollok tjieba kattar fuqna d-doni tal-grazzja tiegħek, biex nitħeġġu fit-tama, fil-fidi u fl-imħabba u nishru dejjem sa l-aħħar fil-ħarsien tal-kmandamenti tiegħek. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Niġbor il-bqija tan-nagħaġ tiegħi, u nqiegħed fuqhom rgħajja.
Ġer 23, 1-6

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

Dan jgħid il-Mulej: “Gwaj għar-rgħajja li jeqirdu u jxerrdu l-merħla tal-mergħa tiegħi – oraklu tal-Mulej. Għalhekk dan jgħid il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, lir-rgħajja, li jirgħu l-poplu tiegħi: Intom xerridtu n-nagħaġ tiegħi, gerrixtuhom u ma ħadtux aktar ħsiebhom. Arawni, se naħseb fikom jien minħabba l-ħażen ta’ għemilkom – oraklu tal-Mulej.

U jiena niġbor il-fdal tan-nagħaġ tiegħi mill-artijiet kollha li xerridthom fihom, u nreġġagħhom lura lejn il-mergħa tagħhom, u jnisslu u joktru. U nqiegħed fuqhom rgħajja li jirgħuhom, u ma jitbeżżgħux aktar, ma jitwaħħxux; u ħadd minnhom ma jonqos – oraklu tal-Mulej.

Araw, għad jasal żmien – oraklu tal-Mulej – meta nqajjem lil David rimja ġusta, li jsaltan ta’ sultan, u jmexxi bil-għaqal u jagħmel is-sewwa u l-ħaqq fil-pajjiż. Fi żmienu Ġuda jkun salv, u Iżrael jgħammar fiż-żgur. U dan hu l-isem li jsejħulu: Il-Mulej is-Sewwa tagħna”.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,
xejn ma jonqosni;
f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.
Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;
hemm hu jrejjaqni. R/.

Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni. R/.

Int tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj! R/.

Hu l-paċi tagħna, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed.
Efes 2, 13-18

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, imma issa, fi Kristu Ġesù, intom, li darba kontu ’l bogħod, issa tqarribtu bis-saħħa tad-demm ta’ Kristu. Kristu hu s-sliem tagħna, hu, li minna t-tnejn għamel poplu wieħed, billi ġarraf il-ħajt li kien jifridna – il-mibegħda ta’ bejnietna – u ħassar bis-sagrifiċċju ta’ ġismu l-Liġi bil-kmandamenti u l-preċetti tagħha. Mit-tnejn, ried b’hekk joħloq bih innifsu bniedem wieħed, il-bniedem il-ġdid, billi jagħmilhom paċi t-tnejn bejniethom u jħabbibhom it-tnejn ma’ Alla f’ġisem wieħed permezz tas-salib li bih qered il-mibegħda ta’ bejniethom.

Imbagħad ġie jħabbar is-sliem, sliem lilkom li kontu fil-bogħod, u sliem lil dawk li kienu fil-qrib. Permezz tiegħu, it-tnejn li aħna għandna bi Spirtu wieħed id-dħul għal għand il-Missier.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah

Kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj.
Mk 6, 30-34

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.

Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.

Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek, Kristu.

Riflessjoni

L-istampa ta’ Alla bħala Ragħaj ta’ Israel kienet qawwija ħafna fil-kitbiet profetiċi. Fl-ewwel qari ta’ dan il-Ħadd insibu waħda minn dawn l-istampi. Alla li jċanfar il-mexxejja spiritwali ta’ Israel li kienu qishom rgħajja mikrija, ma jiħdux ħsieb il-poplu jekk mhux għall-qliegħ baxx, għall-popolarità, għall-istatus li kienet tagħtihom din il-pożizzjoni. Alla jwarrabhom u jgħid li se jmexxi n-nagħaġ tiegħu hu stess.

Fl-Evanġelju tal-lum, naraw li Ġesù hu Alla r-Ragħaj magħna! Biex jitma’ lil dan il-poplu? Bil-Kelma! Hekk qal lil Pietru biex jagħmel qabel ma hu tela’ s-Sema. Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi, irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21, 15-16)

L-appostli kienu għadhom ġejjin minn vjaġġ ta’ evanġelizzazzjoni. Kienu mgħaġġba bl-għemejjel li għamlu (fejqan, tkeċċija tal-ispirti ħżiena, xandir tal-Kelma). Għajjenin ukoll. Għalhekk, Ġesù, qisu missier tajjeb, warrabhom f’post fejn jistgħu jistrieħu. Imma n-nies kellhom wisq bżonn ta’ ragħaj tajjeb.

Kif rahom Ġesù ma bediex igerger għax mhux qed iħalluhom bi kwiethom. Le, il-qalb tiegħu ta’ ragħaj tajjeb ingħafset u ħass għalihom—U BEDA JGĦALLIMHOM ĦAFNA ĦWEJJEĠ. X’deskrizzjoni preċiża tal-qalb ta’ Ġesù. Li hu interessanti hu li Ġesù kien dejjem lest li jgħallem, u fuq ħafna ħwejjeġ. Ma kienx jaħli ħin fuq tpaċpiċ fil-vojt. Kien jgħallem, jgħallem, jgħallem. Kemm għandna nkunu lesti aħna biex lill-poplu li l-Missier afda f’idejna, jew kif jgħid San Pietru, “dawk li messewkom b’xortikom” (1 Pt 5, 3) nagħtuh l-ikel li għandu bżonn ta’ veru jiġifieri t-tagħlim tas-Saltna ta’ Alla.

“Ejjew miegħi” – Għall-appostli din is-sejħa ta’ Ġesù kienet iddoqq sabiħ għal widnejhom. Meta sejħilhom biex jibdew il-mixja warajh qalilhom l-istess kliem. Kemm hi qawwija din is-sejħa għalik? “Ejjew miegħi.” Kultant immorru xi rtir u l-iskop ikun tajjeb. Li hu importanti f’kull forma ta’ rtir, ta’ meta nfittxuh waħedna fit-talb personali, hu li niltaqgħu miegħu, li ngawduh u nħalluh igawdi lilna. Kemm qed nagħti kas ta’ din is-sejħa f’ħajti? Kif qed inwieġeb għaliha?

“post imwarrab” – bil-Grieg ‘eremos’. Ifisser post deżert, imwarrab, maqtugħ. Tħoss li Ġesù minn żmien għal żmien isejjaħlek għal post deżert, maqtugħ? F’din is-silta, l-evanġelista jsemmi dan il-post imwarrab tliet darbiet. Hawn għandna emfasi. Hu f’post bħal dan li Ġesù jserraħni, li jiġbidni lejh u wkoll li jagħtini missjoni, jitlob minni xi ħaġa li jien bil-ħiliet tiegħi biss m’iniex kapaċi nwettaqha. Hu biss bih miegħi li nara l-missjoni mwettqa. Kif qed nippjana l-appostolat tiegħi? Kif qed inwettqu? Waħdi jew miegħu? X’tgħallimni din is-silta dwar x’għandi nagħmel issa?