Wieħed bidwi ħareġ jiżra’
Ħmistax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Kolletta
O Alla, inti turi d-dawl tal-verità tiegħek lil dawk li jitbiegħdu mit-triq it-tajba u b’hekk tgħinhom jerġgħu jsibuha; agħmel li kull min jistqarr li hu nisrani jbiegħed minnu kulma jtebba’ lil dan l-isem u jfittex biss dak li jagħmillu ġieħ. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.
Riflessjoni
F’dan il-Ħadd nibdew naqraw it-tielet minn ħames diskorsi twal li jservu ta’ qafas għall-Evanġelju skont San Mattew. F’dan id-diskors, kif se naraw anke fil-Ħdud li ġejjin, Ġesù jirrakkonta uħud mill-parabboli li nsejħulhom il-Parabboli tas-Saltna tas-Smewwiet, li hija kemm realtà preżenti imma wkoll li miexja lejn il-ġudizzju aħħari u l-esperjenza tal-milja tat-tajbin f’Alla.
Jekk ikollna nagħtu ħarsa lejn din il-parabbola u l-ispjega li jagħti Ġesù nnifsu tagħha meta jkun waħdu mad-dixxipli, l-ikbar diffikultà li nsibu mhijiex daqstant it-tifsira mill-iktar prattika u loġika tagħha, imma proprju dwar dak li jgħid Ġesù, fejn bħal donnu joħloq distinzjoni—jew, skont il-loġika tas-soċjetà tal-lum, jiddiskrimina—bejn id-dixxipli li huma meqjusa ta’ ġewwa, u allura suppost fehmu l-parabbola mingħajr l-ispjegazzjoni, u l-bqija li bħal donnu Ġesù ma jridhomx jifhmu.
Il-kwotazzjoni li jagħti Ġesù mill-Ktieb tal-Profeta Isaija titfa’ dawl fuq dak li jdoqq bla sens għall-widnejna. Il-verità hi li mhux għax Ġesù ma ridhomx jifhmu imma proprju għax qalbhom kienet bħall-art imbattma tal-mogħdija għax kien hemm ħajt bejnhom u bejn Ġesù. Għalkemm bdew jisimgħuh bil-ħerqa imma xorta waħda kienu jkejlu dak li jgħid bil-preġudizzji u l-ħsieb imwaħħal tagħhom li ma kinux jippermettu li l-Kelma tiegħu tagħmel għeruq. Ħassew li l-Kelma tiegħu ma kinetx biżżejjed biex twieġeb għaċ-ċirkostanzi tal-ħajja tagħhom, ħassewha irrelevanti, jew, agħar minn hekk, għax it-tweġiba ma kinetx dik li ħasbu u xtaqu huma hekk li x-xewk tal-aspettattivi tagħhom qatel dik il-Kelma li waħedha biss setgħat tkun biżżejjed għalihom, anzi setgħet tkun il-kollox tagħhom.
U dan jista’ jiġri lilna li nisimgħu l-Kelma ta’ Alla kull nhar ta’ Ħadd u xorta waħda hemm ħajt li jibqa’ jżommna milli nħalluha toqrosna fil-laħam il-ħaj sabiex twassalna għal bidla radikali fil-mod ta’ kif naħsbu, nitkellmu u naġixxu, ukoll jekk dak li nagħmlu jibqa’ l-istess—għax il-ħajja hi rutina—imma l-mod kif nagħmluh ikun differenti għax influwenzat mill-mod ta’ ħsieb ta’ Kristu li mhux nivvintawh aħna—Kristu custom-made—imma hu mwassal lilna permezz tal-Kelma li titħabbrilna.
Taffaxxinani wkoll din il-parabbola għax turi kemm Alla qatt ma jitlef il-fiduċja tiegħu fina l-bnedmin tant li jibqa’ jsemmgħalna Kelmtu sakemm fl-aħħar forsi l-mogħdija tirtab xi ftit u ż-żerriegħa tinżel fl-art. Jibqa’ jsus warajna sakemm, anke jekk qalbna hi xagħri, iż-żerriegħa xorta tikber, imqar jekk arbuxell żgħir, bħas-sagħtar li jerħi fwieħa li tgħaxxqek u jagħti togħma lill-ikel tagħna. Jibqa’ jixħet iż-żerriegħa tal-Kelma tiegħu sakemm forsi, minkejja li x-xewk tal-preokkupazzjonijiet u l-ansjetajiet tagħna mhux la kemm taħrab minnhom għax ma jiqfux iduru f’moħħna, imma nitgħallmu nagħtu iktar widen għall-kliem tiegħu, “Ejjew għandi” (Mt 11, 28), li smajna l-Ħadd li għadda, milli nħallu l-ansjetà teqridna u tikolna mimn ġewwa. Jibqa’ jistabar sakemm fl-aħħar forsi jirnexxilna nsiru art tajba li tagħti l-frott ukoll jekk kultant inkunu qisna minn dawk li ma jridux jisimgħu imma fl-aħħar qalbna ċċedi u tirtab.
Talba
Mulej, quddiem din il-parabbola li min jaf kemm-il darba smajnieha, erġa’ mill-ġdid iżra’ fija l-Kelma u l-fiduċja tiegħek sabiex iż-żerriegħa tagħmel l-għeruq, timmatura u timmaturana, u twassal sabiex il-ħajja tagħna ma tkunx ħela ta’ żmien u arja imma tkun tassew mgħixa bħala parti mis-Saltna tas-Smewwiet li diġà qiegħda hawn imma fl-istess ħin għadha miexja lejn il-milja kollha tagħha. Ammen.