Isejħu ismi fuq ulied Iżrael, u jiena nberikhom. Num 6, 22-27
Qari mill-Ktieb tan-Numri
Il-Mulej kellem lil Mosè u qallu: “Kellem lil Aron u lil uliedu u għidilhom: “Meta tbierku lil ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom: Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” Hekk huma jsejħu ismi fuq ulied Iżrael, u jiena nberikhom”.
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm 66 (67), 2-3.5.6.8
R/. (2a). Iħenn għalina Alla, u jberikna
Iħenn għalina Alla, u jberikna; idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu! Biex jingħarfu fuq l-art triqatek, fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. R/.
Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, għax trieġi l-popli bis-sewwa, u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom. R/.
Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha. Iberikna Alla, u tibża’ minnu l-art kollha minn tarf għall-ieħor! R/.
Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara. Gal 4, 4-7
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin
Ħuti, meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat: “Abbà! Missier!”. U hekk m’intix iżjed ilsir, iżda iben: u jekk iben, werriet ukoll bil-grazzja ta’ Alla.
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU Lhud 1, 1-2
Hallelujah. R/. Hallelujah. Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu. R/. Hallelujah.
Sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Lq 2, 16-21
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, ir-rgħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. Kif raw dan, bdew jgħarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar dik it-tarbija, u kull min semagħhom baqa’ mistagħġeb b’dak li qalulhom ir-rgħajja. Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.
Ir-rgħajja mbagħad reġgħu lura, isebbħu u jfaħħru lil Alla għal kulma kienu raw u semgħu, kif l-anġlu kien qalilhom. Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù, bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf.
Il-Kelma tal-Mulej. R/. Tifħir lilek, Kristu.
Lectio Divina
Fl-okkażjoni tas-solennità tal-Imqaddsa Marija Omm Alla, il-liturġija tal-Kelma tkellimna għal darba darbtejn dwar il-barka ta’ Alla għal poplu tiegħu. Dan insibuh fl-Ewwel Qari meħud mill-ktieb tan-Numri 6, 22-27 li jghid hekk:
“Meta tbierku lil ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom: Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem!”
Bħallikieku dan mhux biżżejjed, nerġgħu nsibu konferma ta’ dan li għadna kif qrajna fis-Salm 66 (67) Iħenn għalina Alla, u jberikna; idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu! Biex jingħarfu fuq l-art triqatek, fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek.
Fit-Tieni Qari, fl-ittra lill-Galatin (4, 4-7), San Pawl jirreferi għal dik il-mara li minnha twieled l-Iben ta’ Alla li ġie biex jifdina u jkollna l-adozzjoni ta’ wlied: Ħuti, meta waslet il-milja taż-żmien, Alla bagħat lil Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-Liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-Liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied.
U fil-Evanġelju (Lq 2, 16-21) naqraw: “F’dak iż-żmien, ir-rgħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u lil Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura … Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.”
Il-liturġija tal-Kelma ta’ din is-solennità tgħinna ningħaqdu mar-rgħajja biex infittxu u nsibu lil Marija u lil Guzeppi bit-tarbija minduda f’maxtura.
Nistgħu ngħidu li dik il-barka, dik il-ħarsa, dik id-dija ta’ wiċċu, dik il-ħniena, dak is-sliem tittrażmettihulna Marija kull darba li nduru lejha fil-ħtiġijiet kbar u żgħar tagħna.
Qatt daqs illum id-dinja kollha ma teħtieġ din il-barka ta’ Alla.
Qatt daqs illum id-dinja ma teħtieġ il-wens ta’ Mqaddsa Omm Alla Marija.
Ejjew inħalluha tagħmel l-istess magħna lkoll għax l-imħabba tal-omm hi mħabba unika; hi mħabba indispensabbli.
Talba
Marija, kun il-wens tagħna u tad-dinja kollha hekk kif ninsabu mġarrba bil-pandemija.
Marija, idħol int għalina fil-bidu ta’ din is-sena l-ġdida.