Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum l-Erbgħa 20 ta’ Settembru 2023.

Salm 107 (108)

Tifħir ’l Alla u talb għall-għajnuna
Alla refa’ lil Ibnu fil-għoli tas-smewwiet; għalhekk l-art kollha xxandar il-glorja ta’ Kristu. (Arnobju) 

Sħiħa qalbi, o Alla! *
Ħa ngħanni u ninseġ għanja:
Qum, ruħ tiegħi, qum arpa u ċetra! *
Ħa nqajjem sbiħ il-jum! 

Infaħħrek, Mulej, fost il-popli, *
ngħannilek fost il-ġnus;
għax m’ogħla s-smewwiet it-tjieba tiegħek, *
sas-sħab il-fedeltà tiegħek.
Ogħla ’l fuq mis-smewwiet, o Alla! *
Uri l-glorja tiegħek fuq l-art kollha,
biex ikunu meħlusa l-għeżież tiegħek; *
għinna bil-leminija tiegħek u weġibna! 

Tkellem Alla fis-santwarju tiegħu: †
“Ferħan nieħu b’sehmi lil Sikem, *
nagħmel oqsma mill-wied ta’ Sukkot.
Tiegħi hu Gilgħad, tiegħi Manasse, †
Efrajm hu l-elmu ta’ rasi, *
u Ġuda x-xettru tiegħi.
Moab lenbija fejn ninħasel, †
fuq Edom inqiegħed il-qorq tiegħi, *
fuq Filistja nifraħ rebbieħ!” 

Min se jwassalni sal-belt bis-swar? *
Min se jeħodni sa Edom?
Mhux int, o Alla, li warrabtna, *
u li m’għadekx toħroġ mal-eżerċtu tagħna? 

Agħtina l-għajnuna kontra l-għadu; *
għax xejn ma tiswa l-għajnuna tal-bniedem,
Bl-għajnuna ta’ Alla nuru ħilitna; *
hu li jisħaq l-għedewwa tagħna. 

Glorja.

Ant. 1: Qalbi mħejjija biex tfaħħrek, Alla tiegħi.

Ant. 2: Il-Mulej libbisni bi lbies is-salvazzjoni u l-ġustizzja.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/