Agħtini widen, Mulej

 

Tifħir ta’ sbiħ il-jum, illum l-Erbgħa 4 ta’ Mejju 2022.

Salm 85 (86)

Talba ta’ fqir fil-hemm
Imbierek Alla, li jferraħna fid-dwejjaq kollha tagħna. (2 Kor 1,3. 4) 

Agħtini widen, Mulej,
u weġibni, *
għaliex jiena msejken u fqajjar.
Ħarisli ħajti, għax jiena twajjeb, *
salva l-qaddej tiegħek, għax fik jittama. 
Int Alla tiegħi, ħenn għalija, Sidi, *
għax lilek ngħajjat il-ħin kollu.
Ferraħ ruħ il-qaddej tiegħek, *
għax lejk, Sidi, jien nerfa’ ruħi.
Għax int, Sidi, twajjeb u taħfer, *
kollok tjieba għal kull min isejjaħlek. 

Agħti widen, Mulej, għat-talba tiegħi, *
isma’ l-leħen tal-ilfiq tiegħi.
F’jum in-niket tiegħi nsejjaħlek, *
għax inti żgur tweġibni. 

Ħadd mhu bħalek fost l-allat, Mulej, *
u xejn bħall-għemil tiegħek.
Il-ġnus kollha, li għamilt, jiġu jinxteħtu quddiemek, *
u jsebbħu ismek, Sidi.
Għax kbir int, u għemejjel tal-għaġeb tagħmel; *
int waħdek Alla! 

Urini, Mulej, triqatek, †
biex nimxi fis-sewwa tiegħek; *
tini qalb waħda, biex ikolli l-biża’ ta’ ismek.

B’qalbi kollha niżżik ħajr, Mulej Alla tiegħi, *
u nsebbaħ ismek għal dejjem.
Għax kbira hi t-tjieba tiegħek miegħi, *
int ħlistni minn qiegħ l-imwiet. 

O Alla, nies kburin qamu għalija, †
ġemgħa nies qawwija jonsbuli ħajti; *
huma nies li ma jagħtux kasek.
Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb, *
iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.
Ħares lejja u ħenn għalija, †
agħti qawwa lill-qaddej tiegħek, *
salva l-iben tal-qaddejja tiegħek. 
Urini sinjal ta’ tjubitek, †
ħa jaraw u jitħawdu l-għedewwa tiegħi; *
għax int, Mulej, tgħinni u tfarraġni. 

Glorja.

Ant. 1: Il-ġnus kollha jiġu jinxteħtu quddiemek, Mulej, hallelujah.

Ant. 2: Iħarsu għajnejna lejn is-sultan fi ġmielu, hallelujah.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/