Ħallasni l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi, * raddli skond is-safa ta’ jdejja. Għax jien żammejt triqat il-Mulej, * ma tbegħidtx bid-dnub minn Alla tiegħi. Quddiemi huma d-digrieti kollha tiegħu; * ma warrabtx minni l-preċetti tiegħu. Bla tebgħa kont quddiemu, * mill-ħtija ħarist lili nnifsi. Raddli l-Mulej skond il-ġustizzja tiegħi, * skond is-safa ta’ jdejja li ra b’għajnejh.
Ma’ min hu tajjeb int timxi bit-tajjeb, * ma’ min hu bla ħtija timxi bla ħtija; ma’ min hu safi timxi bis-safa, * ma’ min jgħawweġ timxi bil-għaqal. Għax inti ssalva l-poplu fqajjar, * u l-għajnejn kburin tbaxxihom. Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi; * Alla tiegħi jdawwal id-dlam tiegħi. Bik jien negħleb il-qtajja’ tal-għedewwa; * bl-għajnuna ta’ Alla tiegħi nirbaħ is-swar!
Glorja.
Ant. 3: Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi, iddawwal id-dlam tiegħi.