bil-ġustizzja tiegħek jifirħu

 

L-uffiċċju tal-qari, illum il-Erbgħa 14 ta’ Diċembru 2022.

Salm 88 (89):2-38 (I)

It-tjieba tal-Mulej mal-familja ta’ David
Alla, minn nisel David, skond il-wegħda tiegħu, ġieb għal Iżrael Salvatur. (Atti 13:22,23) 

It-tjieba tal-Mulej irrid dejjem ngħanni; *
f’kull żmien ixandar fommi l-fedeltà tiegħek.
Għax jien għedt: “Tjubitek tibqa’ sħiħa għal dejjem; *
bħas-smewwiet int wettaqt il-fedeltà tiegħek.” 

“Għamilt patt mal-magħżul tiegħi, *
ħlift lil David, il-qaddej tiegħi:
‘Jien nagħmel li nislek jibqa’ għal dejjem, *
li f’kull żmien jibqa’ sħiħ it-tron tiegħek.’ ” 

Ifaħħru s-smewwiet għeġubijietek, Mulej, *
u l-fedeltà tiegħek fil-ġemgħa tal-qaddisin.
Għax min hemm fis-sema daqs il-Mulej? *
Min jixbaħ lill-Mulej fost dawk li hemm fis-sema?
Tal-biża’ Alla fil-laqgħa tal-qaddisin, *
kbir u tal-biża’ fuq dawk kollha ta’ madwaru. 

Mulej, Alla tal-eżerċti, min hu bħalek? *
Int qawwi, Mulej, u l-fidili tiegħek madwarek.
Int taħkem fuq il-baħar imqalleb; *
meta jqumu l-imwieġ int trażżanhom.
Int tisħaq ’il Raħab bħal midrub għall-mewt; *
bi driegħek setgħani tferrex l-għedewwa tiegħek. 

Tiegħek is-smewwiet u tiegħek l-art; *
id-dinja b’kulma fiha int waqqaftha.
It-Tramuntana u n-Nofsinhar inti ħlaqthom; *
b’ismek jifirħu t-Tabor u l-Ħermon. 
Driegħ kollu qawwa hu driegħek, *
b’saħħitha idek, merfugħa lemintek.
Fuq id-dritt u l-ġustizzja mibni t-tron tiegħek; *
tjieba u fedeltà jgħaddu quddiemek. 

Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ, *
li jimxi, Mulej, fid-dawl ta’ wiċċek.
B’ismek jithennew il-jum kollu, *
u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu.
Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom; *
għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.
Għax il-Mulej it-tarka tagħna; *
il-Qaddis ta’ Iżrael is-sultan tagħna. 

Glorja.

Ant. 1: It-tjieba u l-fedeltà jgħaddu quddiemek, Mulej.

Ant. 2: L-Iben ta’ Alla, skond it-tnissil tal-ġisem, twieled minn nisel ta’ David.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/