fittex is-sliem u imxi warajh

 

Talb ta’ nofs il-jum, illum is-Sibt 11 ta’ Frar 2023.

Salm 33 (34)

(II) 

Ejjew, uliedi, isimgħu lili: *
jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom.
Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja, *
u jixtieq jara għomru kollu risq?
Ħares ilsienek mill-ħażen, *
u xufftejk minn kliem il-qerq.
Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb, *
fittex is-sliem u imxi warajh. 

Għajnejn il-Mulej lejn il-ġusti, *
u widnejh miftuħa għall-għajta tagħhom.
Il-ħarsa tal-Mulej fuq il-ħżiena, *
biex jeqred minn fuq l-art tifkirithom.
Jgħajtu l-ġusti għall-għajnuna, †
u l-Mulej jismagħhom; *
mid-dwejjaq tagħhom kollha jeħlishom. 

Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, *
jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija. 

Kbar huma l-ħsarat tar-raġel sewwa, *
iżda minnhom kollha jeħilsu l-Mulej.
Iħarislu għadmu kollha, *
ebda waħda ma titkissirlu. 

Il-ħażin ħżunitu teqirdu; *
min jobgħod il-ġust iħallas għall-ħtija.
Jifdi l-Mulej il-ħajja tal-qaddejja tiegħu; *
kull min jistkenn fih ma jkollux xi jpatti. 

Glorja.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/