Talb ta’ nofs il-jum, illum il-Ħamis 18 ta’ Novembru.
Salm 24 (25)
Talb għall-maħfra u s-salvazzjoniIt-tama ma tqarraqx bina. (Rum 5:5)
Lejk jien nerfa’ ruħi, * Mulej, Alla tiegħi. Fik jien nittama, ma jkollix għax nitħawwad; * ma jifirħux l-għedewwa tiegħi minħabba fija. Kull min jittama fik ma jkollux għax jitħawwad; * jitħawwad min malajr jonqsok mill-kelma.
Triqatek, Mulej, għarrafni, * il-mogħdijiet tiegħek għallimni. Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni, † għax inti Alla tas-salvazzjoni tiegħi. * Għalik jien nixxennaq il-jum kollu. Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek, * għax huma minn dejjem, Mulej. Tiftakarx fil-ħtijiet u d-dnubiet ta’żgħożiti; † inti tajjeb, Mulej: * ftakar fija skond skond it-tjieba tiegħek.
Tajjeb u sewwa l-Mulej; * għalhekk juri triqtu lill-ħatja, imexxi l-imsejkna fis-sewwa, * jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu.
Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà * għal min iħares il-patt u l-liġiiet tiegħu. Minħabba l-isem tiegħek, Mulej, * aħfirli ħżuniti, kbira kemm hi kbira.
Glorja.
Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/