ħelisni, għax lili jħobbni

 


L-uffiċċju tal-qari, illum l-Erbgħa 1 ta’ Marzu 2023.

Salm 17 (18)

(II) 

Tqanqlet u theżhżet l-art, †
triegħdu s-sisien tal-muntanji, *
u tqanqlu bis-saħħa tal-korla tiegħu.
Duħħan ħareġ minn imnifsejh, †
u nar li jħarbat minn fommu, *
minnu jarmi ilsna tan-nar.
Feraq is-smewwiet u niżel, *
bi ċpar iswed taħt riġlejh. 

Fuq kerubin rikeb u tar, *
niżel b’ħeffa fuq ġwienaħ ir-riħ.
Bid-dlam insatar bħal b’libsa, *
sħab iswed u magħqud l-għarix tiegħu.
Mid-dija ta’ quddiemu sħab joħroġ, *
silġ u ilsna tan-nar.
Riegħed il-Mulej mis-smewwiet, *
l-Għoli semma’ leħnu.
Telaq il-vleġeġ tiegħu u xerridhom, *
għamel il-beraq u ħarrabhom.
U dehru qigħan il-baħar, *
inkixfu s-sisien tal-art,
~mat-theddida tiegħek, Mulej, *
man-nefħa ta’ mnifsejk. 

Mill-għoli medd idu u ħatafni, *
ħariġni minn baħar ta’ ilma.
Mill-għedewwa b’saħħithom ħelisni, *
mill-għedewwa li jifilħu aktar minni.
Ġew fuqi f’siegħa ħażina, *
iżda l-Mulej waqaf miegħi.
Ħariġni ’l barra fil-wisa’, *
ħelisni, għax lili jħobbni. 

Glorja.

Ant. 2: Ħelisni l-Mulej, għax lili jħobbni.

Ant. 3: Int tixgħel, Mulej, il-musbieħ tiegħi, iddawwal id-dlam tiegħi.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/