Kbar l-għemejjel tal-Mulej Kbar u tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tista’ kollox. (Apok 15:3)
Inrodd ħajr lill-Mulej b’qalbi kollha, * fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej; * ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom. Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej; * għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.
Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu; * twajjeb u ħanin il-Mulej. Hu jagħti l-għajxien lil min jibża’ minnu, * jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.
Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta’ għemilu, * meta qassam lilhom art il-ġnus. Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh; * ta’ min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu, imwettqa għal dejjem ta’ dejjem, * magħmula bis-sewwa u bid-dritt. Bagħat jifdi lill-poplu tiegħu, * wettaq għal dejjem il-patt tiegħu.
Qaddis u tal-biża’ hu ismu! * Il-bidu tal-għerf hu l-biża’ tal-Mulej: tassew bil-għaqal kull min jimxi bih, * għal dejjem jibqa’ t-tifħir tiegħu!