Imberkin intom mill-Mulej

 

L-għasar, illum il-Ħadd 13 ta’ Marzu 2022.

Salm 113B (115)
Tifħir lil Alla veru
Intom dortu lejn Alla mill-idoli biex taqdu lil Alla ħaj u veru. (1 Tes 1,9)

Mhux lilna, Mulej, mhux lilna, †
iżda lil ismek sebbaħ, *
għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek.Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus: *
“Fejn hu Alla tagħhom?”Fis-smewwiet hu Alla tagħna; *
hu jagħmel kulma jogħġbu.

Fidda u deheb huma l-allat tagħhom, *
xogħol ta’ jdejn il-bniedem.
Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; *
għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;
għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; *
għandhom l-imnieħer, u ma jxommux;
għandhom l-idejn, u ma jmissux; †
għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux; *
ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.
Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, *
u dawk kollha li jittamaw fihom.

Iżrael ittama fil-Mulej; *
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
Dar Aron ittamaw fil-Mulej; *
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
Dawk li jibżgħu mill-Mulej ittamaw fil-Mulej; *
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.

Il-Mulej jiftakar fina u jberikna; *
ibierek ’il dar Iżrael, ibierek ’il dar Aron.
Ibierek ’il dawk li jibżgħu mill-Mulej, *
kemm iż-żgħar u kemm il-kbar.

Ikattarkom ħafna l-Mulej, *
lilkom u ’l uliedkom.
Imberkin intom mill-Mulej, *
li għamel is-sema u l-art. 

Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej; *
imma l-art hu taha lill-bnedmin.
M’humiex il-mejtin li jfaħħru l-Mulej, *
anqas ħadd minn dawk li jmorru fis-skiet;
imma aħna li nbierku l-Mulej, *
minn issa u għal dejjem.

Kompli itlob billi żżur is-Salmi tal-ġurnata fuq https://brevjar.knisja.mt/